“Il-faqar qed jikber u l-ġid maħżun f’idejn il-ftit” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku qal li hu ta’ skandlu kif il-faqar qed jitwessa’ għal oqsma kbar tas-soċjetà fid-dinja kollha, filwaqt li l-ġid qed jispiċċa maħżun “f’idejn il-ftit ipprivileġġjati.
Huwa qal dan fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Foqra li qed ikun iċċelebrat għall-ewwel darba llum u li qed isir fuq xewqa tal-Papa Franġisku stess.
Fir-riflessjoni tiegħu għal dan il-jum, il-Papa innota kif filwaqt li qed jikber il-ġid, qed jiżdied il-faqar, taħt elf wiċċ, u parallel miegħu qed tiżdied l-illegalità u l-isfruttament offensiv tad-dinjità umana.
“Quddiem il-faqar li jmewwet is-sens ta’ responsabbiltà u jwassalna biex nippreferu d-delega u t-tiftix ta’ favoritiżmi; quddiem il-faqar li javvelena l-għejun ta’ parteċipazzjoni u jfaqqar l-ispazji tal-professjonalità u hekk jumilja l-merti ta’ min jaħdem u jipproduċi; quddiem dan kollu jeħtieġ inwieġbu b’viżjoni ġdida tal-ħajja u tas-soċjetà,” saħaq il-Papa.
“Il-foqra huma tal-Knisja bi dritt evanġeliku”
Ikkwota dak li kien iħobb jgħid il-Beatu Papa Pawlu VI, li l-foqra huma tal-Knisja bi “dritt evanġeliku” u għalhekk insista li jobbligaw il-Knisja għall-għażla fundamentali favurihom.
“Għalhekk, imbierka d-dirgħajn miftuħa biex jilqgħu lill-foqra u jgħinuhom: huma dirgħajn li jġibu t-tama,” kompla l-Papa Franġisku. “Imbierka d-dirgħajn li jinfetħu bla ma jitolbu xejn lura, bla “jekk”, bla “imma” u bla “forsi”: huma dirgħajn li jniżżlu fuq l-aħwa l-barka ta’ Alla.”
“Opri tajba mhux ta’ darba fil-ġimgħa”
Kien hawn li filwaqt li faħħar inizjattivi ta’ volontarjat, insista li l-opri tajba ma għandhomx ikunu prattika tajba ta’ darba fil-ġimgħa, jew ġesti spontanji biex inserrħu l-kuxjenza.
Fil-bidu tal-messaġġ tiegħu kkwota mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann meta jgħid: “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa,” u kien għalhekk li saħaq li jekk wieħed irid verament jiltaqa’ ma’ Kristu, jeħtieġ li jmiss il-ġisem tiegħu “fil-ġrieħi tal-foqra.”
“Il-Ġisem ta’ Kristu, maqsum fil-liturġija mqaddsa, insibuh fl-imħabba maqsuma fl-uċuħ u fil-persuni ta’ ħutna l-iżjed dgħajfa,” qal il-Papa. Ikkwota l-kelmiet tal-isqof San Griżostmu: “Trid tagħti ġieħ lill-Ġisem ta’ Ġesù? Tistmellx l-għera tiegħu; tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja” 
“Il-faqar huwa sejħa għan-Nisrani”
Iżda dan il-Jum ma għandux ifakkar biss fl-opri tajba mal-foqra, għax fi kliem il-Papa Franġisku, il-faqar “hu qabelxejn sejħa biex nimxu wara Ġesù fqira.”
Il-faqar, ikompli jispjega l-Papa, huwa atteġġjament tal-qalb li jżommna milli noqogħdu naħsbu fil-flus, fil-karriera u fil-lussu bħala l-għan ta’ ħajjitna u kundizzjoni għall-ferħ tagħna.
“Hu l-faqar, pjuttost, li joħloq il-kundizzjonijiet biex b’libertà nistgħu nassumu r-responsabbiltajiet personali u soċjali tagħna,” jispjega l-Papa.
“Jekk irridu żvilupp veru, irridu nisimgħu l-karba tal-foqra”
Ħeġġeġ lill-Insara biex jieħdu l-eżempju ta’ San Franġisk t’Assisi u saħaq li jekk il-bniedem irid iġib żvilupp veru, jeħtieġ jisma’ l-karba tal-foqra u jħabbrek biex jerfagħhom mill-qagħda tagħhom tal-emarġinazzjoni.
Il-messaġġ tal-Papa jintemm b’dawn l-appelli:

  • Kull minn jemmen għandu jirreaġixxi għall-kultura tal-iskart u tal-ħela.
  • L-istedina għal-laqgħa mal-foqra hija miftuħa għal kulħadd, mhux min jemmen biss
  • Komunitajiet Insara għandhom jiltaqgħu mal-foqra u jistednuhom magħhom għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
  • Nersqu qrib tal-foqra li jeżistu fil-post fejn ngħixu u nilqgħuhom bħala mistiedna pprivileġġjati madwar il-mejda.
  • Nitolbu: Il-Missierna hi t-talba tal-foqra li tingħad fil-plural għax il-ħobż hu “tagħna.”
  • Dan il-jum isir tradizzjoni li tkun kontribut konkret għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja ta’ żmienna.

“Il-foqra mhumiex problema: huma riżorsa li rridu nfittxu biex nistgħu nilqgħu u ngħixu l-qalba tal-Vanġelu,” temm jisħaq il-Papa.
Dalgħodu l-Papa se jiċċelebra quddiesa mal-foqra u wara iżjed minn elf fqir se jkun qed jingħaqad mal-Papa għal ikla fis-Sala Pawlu VI.
Din il-ġimgħa, ttellgħet tinda fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan biex isservi ta’ sptar għall-foqra ta’ Ruma.