“Il-faqar m’huwiex il-kawża imma l-effett tal-kawża” – Il-Ministru Coleiro Preca

Waqt seminar organizzat mill-General Workers' Union (GWU) bit-tema “Il-Faqar huwa l-mistħija mhux in-nies imġarrba!”, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca, għamlet referenza għall-konsultazzjoni pubblika li saret b’rabta mat-tfassil ta’ strateġija kontra l-faqar.

Il-Ministru qalet li minn dak li ħareġ mill-Maltin u l-Għawdxin li tkellmu fil-laqgħat “il-faqar m’huwiex il-kawża imma l-effett tal-kawża.”

Coleiro Preca spjegat kif il-Gvern għaddej b’ħidma mhux biss fuq livell nazzjonali, imma anke fuq livell komunitarju u kien hawn li semmiet il-bżonn li jkun hawn Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja.

Fost miżuri oħra li l-Gvern se jkun qed jaħdem fuqhom biex jindirizza l-faqar, il-Ministru Colerio Preca tkellmet dwar il-mod kif se jkunu nċentivati l-ommijiet li jrabbu lill-uliedhom waħedhom biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Hija temmet id-diskors tagħha billi saħħqet li dan il-Gvern huwa mpenjat li jibni soċjeta’ ġusta.