Il-faqar jista’ jkun evitat

Fr. Pedro Pablo Opeka u Popa Franġisku ltaqgħu fil-Belt tal-Ħbiberija (© Vatican Media)

Il-Ħadd li għadda waqt li kien għadu fil-Madagascar, fil-vjaġġ li għadu kif temm fi tliet pajjiżi Afrikani, żar “Ir-Raħal tal-Ħbiberija” f’Akamasoa ħeġġeġ lill-folla miġbura biex tisimgħu biex flimkien miegħu tipproklama li: “Il-faqar jista’ jkun evitat”.

Dan il-post inbena 30 sena ilu minn Patri Pedro Pablo Opeka, missjunarju Arġentina bl-iskop li jgħin lill-foqra li jgħixu fil-kapitali tal-Madagascar.

“Meta nara l-uċuħ ferħana tagħkom, nirringrazzja ‘l Alla li sama il-karba tal-foqra u wera l-ħniena u l-imħabba tiegħu b’mod tanġibbli, bħala hu l-ħolqien ta’ dan il-villaġġ. L-għajta tagħkom għall-għajnuna għax kontu bla dar, taraw ‘l uliedkom jikbru b’nuqqas ta’ ikel, meta kontu bla xogħol u spiss meqjusa b’indifferenza jew nuqqas ta’ rispett, inbidlet f’għanja qawwija ta’ tama għalikom u kulmin jarakom”, qal il-Papa Franġisku.

Għanja ta’ tama

“Kull rokna ta’ din iż-żona, kull klassi, kull klinika u spiżerija huma għanja ta’ tama li tirrifjuta s-silenzju jew is-suġġeriment li xi affarijiet huma inevitabbli. Għalhekk ejjew ngħajtu flimkien u bis-saħħa: Il-faqar mhux inevitabbli!”

L-Assoċjazzjoni Akamasoa taħdem biex tinvolvi nies foqra b’mod kreattiv u tgħinhom jibnu stil ta’ ħajja dinjituż għalihom. Skont Vatican News, għal Patri Pedro, li bena dan il-villaġġ, id-dinjità tfisser li tipprovdi kenn, impjieg u edukazzjoni. Tfisser li tkisser iċ-ċirku tal-kriminalità, vjolenza u indifferneza.

Motto ta din l-Assoċjassjoni hu: Ngħinu u mhux Nassistu”. Għalhekk l-organiżazzjoni taħdem flimkien u mal-foqra, tgħinhom jibnu l-istrutturi meħtieġa bħlalma huma skejjel, postijiet tax-xogħol, faċilitajiet tas-saħħa biex ikunu kapaċi jħejju futur għalihom u għal uliedhom.

Ibbenefikaw 500,000 persuna

Minn meta twaqqfet 30 sena ilu l-Akamasoa għenet biex inbnew djar għal 25,000 persuna fi 18 il-żona, kompluti bi kliniċi u skejjel li jipprovdu edukazzjoni lil madwar 14,000 tifel u tifla. B’kollox, madwar 500,000 persuna ibbenefikaw minn għajnuna ta’ emerġenza f’forma ta’ ikel, ħwejjeġ jew mediċina mill-Assoċjazzjoni.

Meta kien qed ikellem liż-żgħażagħ tar-Raħal tal-Ħbiberija, il-Papa Franġisku qalilhom: “Għeżież żgħażagħ ta’ Akamasoa, għandi kelma speċjali għalikom. Komplu iġġieldu l-effetti negattivi tal-faqar, iċċedux għat-tentazzjoni li taċċettaw ħajja faċli jew tidħlu f’qoxortkom. Ħallu r-riġali li tagħkom Alla, jiffjorixxu fostkom. Itolbuh jgħinkom biex tkunu ġenerużi fis-servizz ta’ ħutkom.

“B’dan il-mod, Akamasoa ma tkunx sempliċi eżempju għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, imma xi ħaġa akbar minn hekk: il-punt tat-tluq ta’ biċċa xogħol ispirata minn Alla li jiffjorixxi fil-mod kif intom tkomplu tkunu xhieda tal-imħabba tiegħu għall-ġenerazzjoni preżenti u dawk futuri”.