Il-faqar hu realtà qarsa għal familja kattolika fil-Pakistan

It-tfajla Kattolika Pakistana li tixtieq issir tabiba biex tgħin lill-foqra

Tfajla ta’ 19-il sena mill-Pakistan li ġejja minn familja Kattolika, irrakkuntat il-ħajja ta’ faqar li għaddew minnu hi u l-familja tagħha, f’intervista mal-aġenzija tal-Knisja Kattolika, Aid to Church in Need.

Wara li kien ilhom ħames snin miżżewġin, Galzar Masih u martu, koppja kattolika, adottaw tifla minn sptar lokali bl-għajnuna ta’ ħabib tagħhom. It-tifla semmewha Meerab. Illum din it-tfajla għandha 19-il sena u qed taħseb fil-futur tagħha filwaqt li tagħraf ir-realtà diffiċli ta’ ħajjitha. Dan hu r-rakkont tagħha fil-qosor.

“Missieri Galzar Masih u ommi Naasra Bibi. Għandi ħija ieħor, Shahryar Gulzar li għandu 8 snin. Aħna familja kattolika. Missier kien jaħdem fil-bini u ż-żebgħa biex jaqla l-ħobża ta’ kuljum u kien jaqla 200 rupee kuljum li jissarfu f’$2. Meta ma kienx ikun kapaċi għax-xogħol u allura ma konniex nieklu. Għall-ħtiġijiet ta’ kuljum dejjem sibniha diffiċli iżda nirringrazzjaw ‘l Alla għall-grazzji tiegħu.

“Missieri marad serjament u ommi ħaditu l-isptar. It-tobba qalulu li kellu d-dijabete iżda ma kellniex flus biex jieħu t-trattament meħtieġ u miet ftit wara.

“Wara li miet missieri, ommi sabet xogħol bħala seftura biex stajna naqdu l-ħtiġijiet tad-dar u tal-edukazzjoni. Id-dħul tal-familja kien baxxa iżda l-ispejjeż kienu kbar u alluri kelli nieqaf nistudja. Ommi nkoraġġietni biex ma naqtax qalbi mill-ħniena t’Alla u kienet tgħid li Hu jurina t-triq. Bil-lejl kont naħseb ħafna f’missieri u fil-ħtiġijiet tal-familja. Għalhekk iddeċidejt li ngħin lil ommi li saħħitha kienet sejra lura. Spiss tkun marida u tbati minn pressjoi għolja.

“Wegħdtha li ngħina wara l-iskola jew billi mmur inkompli magħha fuq ix-xogħol wara l-ħin tal-iskola jew immur naħdem flokha meta ma tkunx tiflaħ. Darba mort ix-xogħol waħdi u sid id-dar li kellu madwar 40 sena qalli biex nagħmillu kikkra te. Meta mort inservih, qabadni minn idi u biesni. Bżajt ngħid lil ommi għax bżajt li ssawwatni. Iżda meta reġa’ għamel l-istess, għidtilha. Qatt ma ħallitni mmur aktar ix-xogħol magħha. Tħassibt jekk lilha kienx jagħmlilha l-istess.

“Dejjem tlabt lil Alla biex jgħinha u jurina t-triq. Xi nies kienu jiġu d-dar u joffrulna l-għajnuna tagħhom. Jien komplejt nistudja fl-iskola primarja ta’ Sant’Anna li hi skola tal-Knisja Kattolika. Ħija wkoll kien l-iskola iżda minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħna telaq l-iskola biex imur jaħdem.

“Meta wasalt fit-tmien klassi, is-Soċjetà San Vinċenz de Paule li kienet immexxija mid-djoċesi bdiet tgħin fl-ispejjez tal-iskola. Fil-bidu l-istipendju kien ta’ 500 rupee u wara sentejn żdied għal 1000, jiġifieri daqs $7.5. Aktar tard dħalt fi skola ogħlal li wkoll kienet immexxija minn organiżazzjoni Kattolika  kienet waħda mill-aħjar skejjel. Il-Prinċipal kien ħafirli l-miżati kollha biex stajt inkompli nistudja bla tfixkil.

“Permezz tan-nies twajba li Alla bagħtilna, jien issa qed nieħu sehem fi programm mediku f’kulleġġ. Iżda hemm qed niffaċċja diskriminazzjoni reliġjuża għax il-kulleġġ hu Musulman. Imma naf li Alla hu miegħi. Aħna ngħixu f’żona fqira ħafna; għalhekk filgħaxija noffri tagħlim bla ħlas lil madwar 200 tifel u tifla.  Nixtieq verament li nsir tabiba biex ngħin lill-foqra biex ħadd ma jmut kif miet missieri għax ma kellux għall-kura,” temmet tirrakkonta Meerab.

Fl-2017 Aid to Church in Need tat aktar minn $900,000 f’għajnuna lill-Knisja fil-Pakistan li kienu jinkludu appoġġ lis-seminaristi u r-reliġjużi nisa u għenet ukoll f’numru ta’ programmi u proġetti pastorali.