Il-faqar fl-Arġentina hu kbir ħafna

Il-Caritas fl-Arġentina tgħin biex twassal ikel lill-foqra fil-pajjiż

“Il-mudell tagħna hu Kristu li ġie biex iservi b’sempliċità u umiltà”.  Dan qalu Mons. Carlos Tissera, Isqof ta’ Quilmes u President tal-Caritas Arġentina meta kien qed jitkellem fil-ftuħ tas-sena ta’ ħidma ta’ din l-organiżazzjoni pontifiċja ta’ karità. Hu qal li r-realtà tal-ġuħ u ta’ dawk li qed isofru hi waħda iebsa, iżda l-Knisja Kattolika, permezz tal-Caritas, tagħti tama lil dawn in-nies.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qalet li skont ir-rapport tal-ħidma tal-Caritas fl-Arġentina tul is-sena li għaddiet, bejn is-27 ta’ Settembru u t-18 ta’ Ottubru 2019 biss, il-Caritas qassmet 810 tunellati ta’ ikel f’54 djoċesi madwar il-pajjiż.  L-ikel kien provdut mill-Ministeru tas-Saħħa u l-Iżvilupp Soċjali.  Hu kalkulat li dan l-ikel kollu jiswa madwar 77 miljun pesos (il-munita tal-pajjiż)

Min-naħa tagħha Caritas nidiet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi u ġabret $1.6 miljuni biex bejn Mejju u Diċembru li għadda għenet 755 tifel u tifla u 2,358 familji permezz tal-kċejjen u tqassim ta’ ikel ieħor fid-djoċesijiet ta’ Anutaya, Conception, Esquel, Jujuy, Oberà, Paranà, Reconquista, Santa Fe u Salta.

Kriżi ekonomika

Skont Sofia Terek, li tikkooredina l-assistenza mmedjata min-naħa tal-Caritas, “Il-loġistika għat-tqassim ta’ dan l-ikel kienet titlob impenn totali min-naħa tal-Caritas u l-voluntieri tagħha, iżda madankollu xorta għadna naraw perċentaġġ għoli ta’ nies jgħixu fil-faqar.  Naħsbu li dan hu dovut għall-fatt li hemm aktar nies li għandhom bżonn ikel sustanzjuż kuljum: imma l-prezzijiet tal-ikel qed jogħlew u x-xogħol qed jonqos u dan qed jagħmilha diffiċli biex tintlaħaq il-popolazzjoni vulnerabbli “.

Il-Caritas fl-Arġentina taħdem fuq il-problemi soċjali tal-komunitajiet emarġinati u nies f’sitwazzjoni ta’ faqar jew li jsibu ruħhom f’xi emerġenza.  Fost il-programmi ta’ ħidma, din l-organiżazzjoni Kattolika toffri għajnuna mmedjata permezz ta’ 180,000 pakketti ta’ ikel kull xahar u 600,000 oġġetti oħra ta’ nutriment.  Dan barra milli tmexxi 750 kċina u aktar minn 3,000 post li jipprvdu lit-tfal żgħar, żgħażagħ, tfal tal-iskola, nisa tqal u xjuh, kolazzjon, tazza ħalib u snacks.

Bejn Lulju u Settembru 2019, 40.8 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Arġentina kienet klassifikata bħala “fqira” skont studju li sar mill-Università Kattolika tal-pajjiż li sab ukoll li dawk li qed jgħixu f’povertà kien disa’ fil-mija tal-popolazzjoni.

Skont il-gazzetta “Ambito Financiero”, erba’ minn kull għaxar persuni fl-Arġntina huma nies foqra. Dan ifisser li madwar 16-il-miljun persuna qed jgħixu f’dan l-istat.