Il-family park ta’ Marsakala sar ‘post ta’ periklu flok tad-divertiment’

Fi stqarrija d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ilmenta dwar “l-istat ta’ abbandun li qiegħed jitħalla il-family park ta’ Marsaskala.”

Skont Azzopardi dan huwa, “tort tal-inkompetenza tal-Ministru għall-Ambjent.”

Huwa qal li l-Oppożizzjoni ilha tiġbed l-attenzjoni dwar it-telqa u l-abbandun f’dan il-post li suppost għandu jkun adegwat u sigur għall-ħin liberu u d-divertiment għall-familji.

Azzopardi żied jgħid li “l-Ministru għall-Ambjent mhux qed jindirizza bis-serjetà l-istat ambjentali f’pajjiżna, ż-żieda fit-tniġġis fl-ajru u t-tqaċċit sfrenat tas-siġar”.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni tappella lill-Ministru għall-Ambjent sabiex jindirizza minnufih l-abbandun li tħalla fih dan il-family park, li huwa l-ikbar wieħed f’pajjiżna, u li kien ġie inawgurat minn Gvern Nazzjonalista.