Il-familji li spiċċaw bla dar b’appartament mill-Gvern minn nhar it-Tnejn

Miguela Xuereb

L-Awtorità tad-Djar ħabbret li għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex il-familji milquta mill-bini li sfronda fi Gwardamanġa jkollhom saqaf fuq rashom sakemm ikunu jistgħu jirritornaw f’darhom mingħajr ebda periklu. 

B’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u f’kuntatt mal-istess familji, instabu erba’ appartamenti mis-suq privat li minn nhar it-Tnejn se jkunu allokati mill-Awtorità tad-Djar lill-familji affettwati. L-appartamenti huma kollha f’kundizzjoni tajba u jaqdu l-bżonnijiet tal-familji milquta. Sa nhar it-Tnejn, il-familji se jkunu qed joqogħdu f’lukanda.

Mara minnhom, Janet Walker, dalgħodu esprimiet fuq Facebook id-dispjaċir tagħha li waħda mill-familji ġirien kellha torqod barra biex tagħmel għassa mal-binja, peress li ma kienx hemm uffiċjal tas-sigurtà.

Aqra: Bini Gwardamanġa: Residenti jorqdu barra biex joqogħdu għassa mal-bini

Fi stqarrija l-Awtorità tad-Djar qalet li filwaqt li għamlet dan l-intervent fuq bażi soċjali għaliex qatt mhu aċċettabbli li individwu jew familja tispiċċa f’din is-sitwazzjoni, hija kkommettiet lill-kuntrattur responsabbli li, kif stipulat fil-liġi, jassumi l-ispejjeż kollha tal-akkomodazzjoni provduta lill-vittmi mill-Awtorità tad-Djar sakemm jitneħħa l-periklu fis-sit ta’ Gwardamanġa u l-familji jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu jkompli jsegwi l-iżviluppi tal-każ flimkien mal-awtoritajiet kollha kompetenti.