Filmat: Il-familji jibdew jirċievu €250 tal-In-Work Benefit

Il-familji bdew jirċievu l-In-Work Benefit b’valur ta’ €250. Dan is-suppliment ddaħħal għat-tliet kategoriji ta’ ġenituri li jaħdmu u jikkwalifikaw għall-In-Work Benefit li tħabbar fil-pakkett ta’ miżuri għar-riġenerazzjoni ekonomika mniedi f’Ġunju.

Dawk il-familji eliġibbli għal dan il-benefiċċju minn issa sal-aħħar tas-sena se jkunu wkoll intitolati għall-pagament sħiħ tas-suppliment ta’ €250. Dawk il-ġenituri li tilfu l-impjieg tagħhom waqt il-pandemija se jibqgħu jirċievu l-In-Work Benefit sakemm ma jinbidlulhomx iċ-ċirkostanzi. F’każ li jsibu xogħol l-In-Work Benefit ikun revedut skont id-dħul.

Fi stqarrija l-ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li r-rati mħallsa lill-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għandhom dħul mix-xogħol ta’ bejn €10,000 u €26,000 żdiedu bejn €30 u €100 kull wild, bl-ogħla rata titla’ għal €1,400 għal kull wild eliġibbli. F’każ ta’ familji b’ġenitur wieħed li jaħdem jew taħdem bi dħul ta’ bejn €6,600 u €18,200, iż-żieda hija ta’ €50 għal kull wild. L-ogħla rata tlaħħaq €1,400 għal kull wild. Ir-rati mħallsa lill-familji fejn wieħed mill-ġenituri huwa fid-dinja tax-xogħol u d-dħul mix-xogħol ivarja bejn €6,600 u €22,000 żdiedu bi €80 kull wild, l-ogħla rata mħallsa hija ta’ €630 għal kull wild.

Il-ministeru spjega li koppji miżżewġa, it-threshold u r-rati mħallsa lill-koppji li jaħdmu t-tnejn huma ogħla minn ta’ dawk fejn xi ħadd mill-ġenituri ma jaħdimx. Dawn ir-rati daħlu fis-seħħ mit-6 ta’ Ġunju u se jitħallsu b’lura fil-pagament li jkun imiss f’Ottubru. Dan il-pagament se jkun ikopru minn Lulju sa Settembru.  

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li permezzz ta’ dawn il-miżuri se jkomplu jagħtu inċentiv biex jagħti spinta lill-familji bieżla Maltin li għandhom dħul baxx jew medju.