“Il-familji ilhom Malta s-snin” – Il-psikologi jappellaw lill-awtoritajiet

The Sunday Times of Malta

Read in English.

Il-Kamra tal-Psikologi oġġezzjonat għad-deċiżjoni meħuda minn Identity Malta li ċċaħħad lil 22 tifel u tifla milli jingħataw permess ta’ residenza f’Malta, u appellat lill-awtoritajiet biex tiġihom ħniena minn dawn il-familji.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat rapport jgħid li 22 tifel u tifla se jitkeċċew minn Malta peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena flimkien, kif ukoll  €3,800 żejda għal kull tifel u tifla li jkollhom. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul mis-sahra jew xi bonus. Din l-istorja wasslet lil Newsbook.com.mt biex jibda petizzjoni online. L-Arċisqof Charles Scicluna beda wkoll diskussjonijiet mal-Gvern dwar dawn it-tfal.

Il-Kamra appellat lill-awtoritajiet biex jifhmu li wħud minn dawn il-familji ilhom jagħmlu parti mill-komunità Maltija għal snin twal. Skont il-Kamra, din id-deċiżjoni ma tħarisx id-drittijiet tat-tfal, u lanqas id-drittijiet fundamentali tal-familja. Lil hinn minn dan, jekk it-tfal jinfirdu minn mal-familji tagħhom, dan ikollu effetti trawmatiċi u detrimentali fuq il-familja kollha, b’mod speċjali fuq it-tfal, kompliet tgħid il-Kamra.

Apparti l-Kamra tal-Psikologi, disa’ NGOs appellaw lill-Gvern biex jerġa’ lura mid-deċiżjoni li ħa. Kien hemm ukoll bosta mexxejja Maltin li kellhom dan l-appell, fosthom il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Min-naħa tagħha, is-Segretarja Parlamentari Julia Farrugia Portelli sostniet li l-liġijiet huma maħsuba biex jiggarantixxu għajxien diċenti għall-membri tal-familja, inklużi tfal. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret biex tikkjarifika s-sitwazzjoni, Farrugia Portelli qalet li l-formola li tuża Identity Malta fejn jidħlu l-permessi tax-xogħol u għajxien għal persuni li jkunu jridu jiġu Malta hija ħafna iktar “ħanina” minn dak li tgħid il-liġi.