Il-familji fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti jibqgħu mifruda

Reuters

Mill-2,500 familja tal-immigranti mifruda fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti, 364 tifel u tifla ta’ 5 snin u iżjed biss reġgħu ngħaqdu mal-ġenituri tagħhom, irrappurtaw l-avukati tal-Gvern Amerikan.

Fadal biss ġimgħa għad-data ta’ skadenza mogħtija mill-qorti sabiex it-tfal ta’ dawn il-familji jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom. Ir-rapport ma kienx ċar dwar kemm-il familja oħra se tingħaqad.

Minn aktar minn 2,500 ġenitur identifikat bħala eliġibbli biex jingħatawlu wliedu lura, 848 ġew intervistati u meqjusa adekwati, skont ma qalu l-avukati tal-Infurzar tal-Immigrazzjoni u d-Dwana (ICE).

229 ġenitur ieħor tqiesu mhux eliġibbli minħabba li kellhom kondotta maħmuġa jew għal raġunijiet oħra. Il-bqija għadhom qed jistennew risposta.

Dawn il-familji nfirdu taħt l-ordni ta’ “tolleranza żero” ta’ Donald Trump għall-immigrazzjoni illegali. Ħafna minn dawn il-familji daħlu fl-Istati Uniti illegalment, filwaqt li wħud kienu qegħdin ifittxu ażil mal-fruntiera, huma u jaħarbu mill-vjolenza f’pajjiżhom.

It-tfal intbagħtu f’faċiltajiet fejn jieħdu ħsiebhom fl-Istati Uniti, filwaqt li l-ġenituri tagħhom ġew arrestati f’ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti jew fil-ħabs.