Il-familja ta’ Nicholas Azzopardi tressaq protest ġudizzjarju kontra 11-il persuna u tallega frame-up

Il-familja ta’ Nicholas Azzopardi ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti fil-konfront ta’ dawk li huma jemmnu li setgħu kienu responsabbli għall-mewt tiegħu. Fost dawn il-ħdax-il persuna hemm l-eks mara tiegħu, ħaddiema tas-servizzi soċjali, numru ta’ pulizija, l-eks Ministru tal-Ġustizzja u tabib.

Fil-protest jingħad li fit-8 ta’ April, 2008, Nicholas Azzopardi ġie arrestat fuq allegazzjoni ta’ molestja fil-konfront ta’ bintu minuri Kimberly Azzopardi. Huwa nżamm taħt arrest fid-Depot tal-Pulizija sa’ l-għada d-9 ta’ April, 2008, f’liema jum huwa sofra grieħi personali ta’ natura gravi waqt li kien taħt il-kustodja tal-Pulizija.

Il-Protest jgħid li b’ konsegwenza ta’ dawn l-istess grieħi, ġie rikoverat l-Isptar Mater Dei fejn miet fit-22 ta’ April, 2008.

L-esponenti saħqu li l-arrest sar wara allegazzjoni falza ta’ mart Nicholas, Claudette Azzopardi, u ommha Antonia Patiniott. Skont il-familja ta’ Nicholas Azzopardi, dawn ħadmu b’kompliċità mas-social worker inkarigata mill-Aġenzija Appoġġ, u membri tal-Korp tal-Pulizija.

Qalu wkoll li l-mewt ta’ Nicholas Azzopardi ma kienetx aċċidentali jew ikkawżata minn Nicholas stess, imma kienet konsegwenza tal-għemil jew negliġenza ta’ ħaddieħor.

Barra minn hekk allegaw li kien hemm mankanzi serji fil-kura li ngħata waqt ir-rikoveru tiegħu fl-isptar. Dan minbarra nuqqasijiet fl-investigazzjonijiet u d-diversi inkjesti kondotti wara l-mewt tiegħhu, minn diversi parteċipanti, inkluż Dr Martin Bajada bħala espert tal-Qorti.

Il-familja Azzopardi sostniet li kien hemm cover up, u li l-provi essenzjali dwar il-mewt tar-raġel inbidlu jew ġew eliminati.