Il-familja ta’ Matthew Zahra trid il-ġiżirana biex tkampa mal-ħajja

Fil-Qorti ntqal li l-ġiżirana tad-deheb li kellu Matthew Zahra, li s-sena l-oħra nstab mejjet f’għalqa f’Birżebbuġa, intilfet waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet. 
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta' Ronald Urry u Jason Galea, akkużati bil-qtil ta' Zahra, reġa' xehed sid l-għalqa. Alfred Attard qal, li qabel difen u għatta l-katavru ta' Zahra, Urry ħa l-ġiżirana li kien hemm madwar għonqu, u Jason Galea qallu biex iħalliha.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-ġiżirana sparixxiet waqt l-investigazzjoni u għaddejja inkjesta.
L-avukat tal-familja Zahra, għamel talba formali lill-Qorti għall-ġiżirana u qal li l-familja għandha bżonnha biex tkampa mal-ispejjeż tal-ħajja.
L-avukat ta' wieħed mill-akkużati qal li l-ġiżirana hi evidenza u li mhux xieraq li tinħeles.
Kemm Ronald Urry, kif ukoll Jason Galea, qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.