​Il-familja ta’ Daphne trid li l-każ ta’ Acapulco jkompli jinstema’

Oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, qalet li l-familja Caruana Galizia ma tridx li jiġi rtirat il-każ li nfetaħ kontra l-ġurnalista mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada.
Wara li dehru rapport fil-midja li kienu jgħidu li r-raġel tal-ġurnalista ried jirtira l-każ, il-familja Caruana Galizia ħarġet stqarrija biex tiċċara l-pożizzjoni tagħha.
Skont Vella l-każ li kellu jkompli jinstema’ llum ġie aġġornat wara qbil bejn l-avukati taż-żewġ naħat.
Vella tkompli tgħid li Paul Lia, l-avukat tal-applikanti, ġie kkwotat fil-midja jgħid li “kulħadd irid juri li huwa innoċenti, imma Gerada ma fadallux interess”.
Skont il-familja Caruana Galizia, jekk Cardona u Gerada huma innoċenti, jistgħu juru l-evidenza ta’ dan immedjatament billi jippubblikaw informazzjoni b’rabta mal-mowbajls tagħhom li jista' juri eżatt fejn kienu dakinhar li allegatameent kienu fl-FKK Acapulco.
F’Jannar tal-2017 Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Ministru tal-Ekonomija u Gerada marru f’dal-burdell f’Velbert. Huma kienu fetħu erba’libelli kontra Caruana Galizia libelli, filwaqt li dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw it-Tap files kollha tal-Ministru Cardona u tal-konsulent tiegħu Gerada. Fost affarijiet oħra, dawn il-files ikunu jinkludu l-ħinijiet li fihom saru t-telefonati u ntbagħtu l-messaġġi, il-post minn fejn ikunu saru u s-cell tower ID tan-network tal-operatur barrani.
Il-familja Caruana Galizia stqarret li “Cardona u Gerada s’issa għadhom ma naddfux isimhom bl-att sempliċi tal-ippublikar tal-pożizzjoni tal-mowbajls tagħhom biex jikkonfermaw il-verżjoni tagħhom.Il-familja Caruana Galizia qalet ukoll li Cardona u Gerada gidbu meta kienu qed jixhdu taħt ġurament fil-Qorti. Qalu li dan huwa att kriminali u peress li t-tnejn li huma avukati, jekk jinstabu ħatja titneħħielhom il-liċenzja li jipprattikaw il-liġi.