​Il-familja ta’ Daphne tista’ tintervjeni fil-każ tal-Fulu – Il-Qorti

Il-Qorti aċċettat it-talba tal-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biex tintervjeni fil-każ li fetaħ wieħed minn dawk akkużati bil-qtil tagħha għat-tneħħija tal-espert tal-informatika Martin Bajada mill-investigazzjoni li qed issir.
L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, qed jitolbu li l-espert tal-qorti fil-qasam tal-IT u t-telefonija jitneħħa u ma jibqax iservi lill-Maġistrat fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din it-talba saret f’Marzu.
Ir-rikors jispjega kif l-avukat Martin Bajada kien ingħata sentenza ta’ ħabs minn Qorti fir-Renju Unit fl-1993 meta kien jaħdem mal-Air Malta.
Ir-rikors jikkwota deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fl-2006 fejn jingħad li jekk ikun hemm dell ta’ dubju fuq l-integrità ta’ espert tal-Qorti, allura dan m’għandux jipparteċipa fil-proċess ġudizzjarju.
Id-deċiżjoni tal-Qorti tfisser li l-familja Caruana Galizia jista' jkollha rwol attiv waqt is-seduti.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ f’Mejju.