​Il-familja ta’ Daphne lesta tieħu passi kriminali fil-konfront tal-Ministru Farrugia

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalet li lesta tipproċedi b’passi kriminali fil-konfront tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, li jistgħu jwasslu għal ħames snin priġunerija u multa ta’ eluf ta’ ewro.
F’ittra li bagħtet lill-Ministru Farrugia, il-familja oġġezzjonat għal dak li qal il-Ministru fi tweġiba parlamentari fil-jiem għaddew, dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Skont il-familja Caruana Galizia, il-Ministru qal li kien infurmat li l-Maġistrat kellu aċċess għal oġġetti personali tal-ġurnalista. Sostnew li ma kienx fl-interess pubbliku li l-Ministru jgħid x’għandhom disponibbli l-Pulizija.
Fl-ittra, li bagħat ukoll f’isem uliedu, Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista, jgħid li dan imur kontra l-liġi u li jista’ jgħin lil min kien ħati mill-qtil ta’ martu.
Qal ukoll li jekk il-Ministru jerġa’ jirċievi xi informazzjoni mingħand uffiċjali tal-Korp, għandu jressaq ilment ta’ ksur ta’ kunfidenzjalità lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi ta’ dixxiplina.  
Il-Ministru jgħid li l-familja sabet oġġezzjoni għal dak li kien ġa pubbliku
Fi stqarrija, li fiha ppubblika l-ittra mill-familja Caruana Galizia, il-Ministeru għall-Intern qal li l-familja sabet oġġezzjoni għal dikjarazzjoni li għamel il-Ministru meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari ta’ Simon Busuttil fl-20 ta’ Novembru.
Il-Ministeru jinsisti li l-parti li saret oġġezzjoni dwarha hija informazzjoni li ilha magħrufa pubblikament, wara li l-Qorti laqgħet ir-rikors tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fit-30 ta’ Ottubru.
Fi kliem il-Ministeru, fl-ittra l-Ministru qed jiġi mhedded b’passi kriminali li jistgħu jwasslu għal sentenza ta’  ħames snin priġunerija u multi ta' għexieren ta' eluf ta' Ewro.
Jgħid ukoll li dan minbarra li “l-ittra tinterferixxi fir-responsabbiltajiet Ministerjali u Parlamentari li saħansitra tista' possibilment titqies ta' ksur ta' privileġġ parlamentari”.
Il-Ministru Farrugia jsostni li l-pretensjonijiet fil-konfront tiegħu huma infondati u jirriserva d-dritt li jieħu l-passi kollha biex jipproteġi t-twettiq tad-doveri tiegħu.  Qal ukoll li jidher li dawk li sejjaħ pretensjonijiet ma sarux fil-konfront ta’ Dr Busuttil li għamel il-mistoqsija.
Il-Ministru wiegħed li se jibqa' jagħmel mill-aħjar biex jirrispetta x-xewqat tal-familja, fejn hu possibli.