Il-familja ta’ Daphne bi protest biex jiġi investigat il-PM

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Avukat Ġenerali. Il-protest qed jitlob lill-Prim Ministru sabiex ma jibqax involut fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali u l-proċess li bih l-evidenza se tinġabar fl-inkjesta pubblika.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukat Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi, Jason Azzopardi u Peter Caruana Galizia.

Il-familja talbet sabiex il-Prim Ministru u l-azzjonijiet tiegħu jiġu investigati. Talbet sabiex l-evidenza relatata tkun preservata bħala parti mill-investigazzjoni li hemm għaddejja.

Għadd ta’ persuni ġew arrestati fl-aħħar jiem b’konnessjoni mal-assassinju tal-ġunalista Daphne Caruana Galizia, fosthom kien hemm l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Schembri kien ilu jokkupa dan l-irwol għal snin twal.

Fil-protest ġudizzjarju, l-armel u t-tliet uliedu rrimarkaw li Schembri kien viċin ħafna tal-Prim Ministru, mhux biss għax kellu uffiċċju fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, iżda l-Prim Ministru kien jiddependi ħafna fuq il-pariri ta’ Schembri. L-eks Chief of Staff kien preżenti waqt laqgħat tas-Servizzi Sigrieti, bil-familja targumenta li hu seta’ kien konxju ta’ kull tip ta’ informazzjoni li għaddiet għand il-Prim Ministru dwar l-investigazzjoni.

Fl-oġġezzjoni, il-familja rrimarkat li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li għadu kemm reġa’ ħa lura f’idejh il-kariga ta’ Ministru wara li ssospenda lilu nniffsu għal xi jiem, kien ġie interrogat dwar l-allegat involviment tiegħu fl-assassinju.

Il-protest jirrimarka wkoll li l-Prim Ministru għażel li jibqa’ fil-kariga tiegħu sa Jannar tal-2020, u b’hekk se jibqa’ involut fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Il-familja qalet li dan kollu huwa ksur fl-andament ta’ investigazzjoni effettiva fl-assassinju tal-ġurnalista, li kienet ukoll omm u miżżewġa. Il-protest jgħid li hemm ukoll ksur ta’ Artiklu 2 tal-Konvenzjon Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem rigward id-dritt għall-għixien.