Il-familja rjali tiċħad li iben ir-Reġina kien involut f’atti sesswali ma’ tfajla taħt l-età

Buchingham Palace ċaħad għat-tieni darba l-allegazzjonijiet li l-Prinċep Andrew, Duka ta’ York, li jiġi t-tielet wild tar-Reġina Eliżabetta ll,  kien involut f’atti sesswali ma’ tfajla taħt l-età
Il-gazzetti Ingliżi tal-Ħadd ħarġu diversi dettalji tal-allegazzjonijiet li qed tagħmel Virginia Roberts li qed tgħid li kienet imġiegħla jkollha x’taqsam ma’ iben ir-Reġina.
Il-Prinċep issemma fil-Qrati tal-Istati Uniti b’rabta ma’ eks ħabib tiegħu, Jeffrey Epstein, li kien akkużat u misjub ħati b’pedofelija.
Lura fl-2011, id-Duka kellu jirreżenja minn Rappreżentat tar-Renju Unit għall-Kummerċ, għax kien baqa’ f’kuntatt ma’ Epstein wara li serva s-sentenza.
Epstein bħalissa qed ikun akkużat li ġiegħel mara jkollha x’taqsam mal-Prinċep fi tliet okkażjonijiet differenti. L-ewwel darba li allegatament kienet involuta f’atti sesswali mal-Prinċep kien fl-1999 meta kellha biss 17-il sena.
Fil-każ hemm involut ukoll Avukat Amerikan li ċaħad l-allegazzjonijiet kollha.
Fi stqarrija, Buchingham Palace ċaħdet li l-Prinċep kellu kuntatt sesswali jew relazzjoni ma’ Roberts. Żied ukoll li allegazzjonijiet li jixhdu l-kuntrarju huma foloz.