Il-familja rjali “imweġġgħa” bid-deċiżjoni ta’ Harry u Meghan

Il-familja rjali Brittanika hija “imweġġgħa” bl-aħbar tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex li se jieħdu pass lura mill-obbligi rjali tagħhom.

Il-korrispondent tal-BBC għall-familja rjali, Jonny Dymond, irċieva informazzjoni mingħand sorsi f’Buckingham Palace li l-Prinċep Harry u Meghan ma kkonsultaw mal-ebda membru tal-familja rjali qabel ħarġu l-istqarrija li beħsiebhom jieħdu pass lura u jsiru indipendenti finanzjarjament.

Is-sorsi qalu li fil-Palazz issa hemm kwistjonijiet kumplikati li jridu jissolvew. Dymond qal li xi ħaġa bħal din hija bla preċedent, u l-fatt li min-naħa ta’ Buckingham Palace qed jgħidu li huma mweġġgħa, huwa serju ħafna, peress li s-soltu jippruvaw iżommu dehra komposta f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

Min-naħa tagħhom, Harry u Meghan qalu li waslu għal din id-deċiżjoni wara xhur ta’ riflessjoni u diskussjonijiet. Qalu li se jaqsmu ħinhom bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit, filwaqt li jibqgħu leali lejn ir-Reġina Eliżabetta, il-Commonwealth u l-patroċinji tagħhom.

Din l-aħbar kienet mistennija minn ħafna li jsegwu lill-koppja mill-qrib, peress li f’dokumentarju li għamlu fuq ITV f’Ottubru, Meghan qalet li qed issibha diffiċli ħafna biex taddatta għall-irwoli ġodda tagħha filwaqt li trabbi wkoll lil binha Archie. Qalet li ma tantx ikun hemm nies li jistaqsuha kif inhi. Meta mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ ħuh William, Harry qal li dejjem jibqgħu aħwa, imma bħalissa jinsabu fi stadji differenti f’ħajjithom. Qal li jibża’ li martu jiġrilha bħal ommu Diana.

Harry huwa s-sitt persuna li jista’ jilħaq Re. Qablu hemm missieru l-Prinċep Charles, ħuh il-Prinċep William u t-tliet uliedu.