Il-familja li spiċċat bla saqaf tappella għall-għajnuna biex issib appartament

Janet Walker, waħda mill-membri tal-familja li kienu qed jgħixu fid-dar li ġġarfet fi Gwardamanġa appellat lill-pubbliku sabiex jekk hemm xi ħadd li jaf b’xi appartament li jista’ jiġi aċċessat b’siġġu tar-roti u li jinsab f’post ċentrali jinforma lill-familja bih.

Walker tellgħet dan il-messaġġ fuq Facebook wara li lbieraħ iġġarraf ħajt ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa, ħdejn sit ta’ kostruzzjoni.

Aqra: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Hi spjegat li lbieraħ ingħataw kamra f’Tas-Sliema. Daħlu hemm fil-11pm u ħarġu fit-8am. Qalet li minkejja li ma rnexxielhomx jgħalqu għajn m’għajn, tal-inqas kellhom l-opportunità jinħaslu. Qalet li mbagħad mit-8am sa issa ġew offruti appartament fil-Qawra, madanakollu dan mhux ideali għall-familja hekk kif ikollha toqgħod taqsam il-gżira numru ta’ drabi ta’ kuljum.

Walker spjegat li ġew offruti wkoll kamra fil-Park ta’ San Ġorġ f’Paceville għal-lejla. Spjegat li hi taħdem Ħal Kirkop filwaqt li oħtha taħdem Paceville. It-tifla, Thea tmur skola l-Ħamrun, filwaqt li ommha għandha bżonn xi ħadd jieħu ħsieba l-ħin kollu.

Aqra: Ara x’ġara xahar qabel fil-istess binja fi Gwardamanġa

Tenniet li wara dak kollu li ġara ħaqqhom jiġu trattati aħjar filwaqt li sostniet li l-familja tinsab eżawrita.

“Il-libsa tal-preċett tat-tifla salvata”

Parti mill-inkwiet ta’ Walker u l-qraba tagħha kien li t-tifla Thea kienet waslet biex tagħmel il-preċett u kienet se tispiċċa mingħajr il-libsa hekk kif ma kienux jafu jekk din kinitx ġiet affettwata mit-tiġrif tal-binja. Għaldaqstant, aktar kmieni llum ħabbret fuq Facebook li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom joħorġu l-libsa mill-binja mingħajr ma din ġiet affettwata.

Aqra: “Il-Gvern iwaqqaf l-iskavar; il-Pulizija ma rċevewx struzzjonijiet”

Il-Gvern iwaqqaf l-iskavar

Propju hekk kif dan l-inċident kient it-tielet wieħed f’inqas minn xahrejn, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li b’effett immedjat il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi b’mod temporanju. Il-laqgħa li ssejħet f’Kastilja kien hemm preżenti għaliha l-istakeholders tas-settur tal-kostruzzjoni. Fost dawk preżenti kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti, il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker, il-Konsulent tal-Gvern Robert Musumeci fost oħrajn.

Aqra: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Aqra: Sospensjoni skavar: Għandha bażi legali?