Il-Familja hi teżor li dejjem għandna nipproteġu u niddefendu

Il-folla fi Pjazza San Pietru tisma' lill-Papa jitkellem dwar il-Familja

Fl-okkażżjoni tal-Festa tal-Familja Mqaddsa il-Knisja tistedinna nirriflettu dwar l-esperjenza ta’ Marija, Ġużeppi u Ġesù magħquda b’imħabba kbira u b’fiduċja kbira f’Alla. L-Evanġelju tal-ġurnata jirrakkonta l-vjaġġ li l-Familja ta’ Nazareth għamlet lejn Ġerusalemm għall-festa.

Fir-riflessjonijiet tiegħu qabel it-talba tal-Angelus nhar il-Ħadd, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sinjifikat tal-festa tal-Familja Mqaddsa.

Hu qal li fil-vjaġġ lura minn Ġerusalemm, il-ġenituri ndunaw li t-tifel ta’ 12-il sena ma kienx magħhom. U wara tliet ijiem ifittxu mbeżżgħa, sabuh fit-Tempju jiddiskuti mad-Dutturi. Kif rawh, Marija u Ġużeppi “baqgħu mistagħġba” u ommu qaltlu “Jien u missierek konna qed infittxuk b’ansjeta”.

Kienu “mistagħġba u anzjużi”,  u dawn huma ż-żewġ elementi li dwarhom nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom, qal il-Papa Franġisku lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru.

Huwa qal li fil-Familja ta’ Nazareth l-istagħġib qatt ma naqas anqas f’mument drammatiku meta Ġesù ntilef: hi kapaċità li tistagħġeb quddiem il-manifestazzjoni tal-Iben t’Alla. Dan hu l-istess stagħġib li laqat lid-Dutturi fit-Tempju li baqgħu mpressjonati bl-argumenti u t-tweġibiet tiegħu.

“Imma x’inhu l-istagħġib? Xi jfisser li tkun mistagħġeb? Li tistagħġeb u tiskanta hu l-oppost ta’ li tieħu kollox ‘for granted’, l-oppost li ninterpretaw ir-realtà li aħna mdawrin biha u l-avvenimenti tal-istorja, skont il-kriterji tagħna biss. Min jagħmel hekk ma jafx xi jfisser stagħġib u skantament.

Li tistagħġeb ifisser li tinfetaħ għall-oħrajn u tifhem ir-raġunijiet tagħhom: dan hu meħtieġ biex insewwu relazzjonijiet ma’ nies oħra li jkunu kompromessi u hi indispensabbli biex tfejjaq ġrieħi miftuħa fi ħdan il-familja. Meta fil-familja jkun hemm il-problemi, nieħduha li għandna raġun aħna u nagħlqu l-bieb għall-oħrajn.  Iżda minflok hemm bżonn li naħsbu: “Imma dan il-bniedem x’għandu tajjeb? U niskantaw kemm għandu tajjeb. U dan jgħin l-għaqda fil-familja. Jekk għandkom problemi fil-familja, aħsbu ftit fit-tajjeb ta’ qrabatkom li għandkom problemi magħhom. U stagħġbu bit-tajjeb tagħhom. U dan jgħin biex tfejjqu l-ġrieħi fil-familja.

“It-tieni element li nixtieq nislet mill-Evanġelju”, kompli l-Papa Franġisku, hi “l-ansjetà li Marija u Ġużeppi kellhom meta ma setgħux isibu lil binhom”. L-ansjetà turi ċ-ċentralità ta’ Ġesù fil-Familja Mqaddsa. Il-Verġni Marija u żewġha irċivew dan l-Iben, ipproteġewh u rah jikber fiż-żmien, fl-għerf u fil-grazzja, imma kiber b’mod speċjali f’qalbhom; u ftit ftit l-affett fir-relazzjoni tagħhom miegħu kiber u bdew anke jifhmuh. Għalhekk il-Familja ta’ Nazareth hi Mqaddsa: għax kienet iċċentrata fuq Ġesù; l-attenzjoni kollha ta’ Marija u Ġużeppi kienu Fuqu.

L-ansjetà li kellhom tul it-tliet ijiem li Ġesù dam nieqes, għandha tkun ukoll l-ansjetà tagħna meta nkunu ‘l bogħod minnu, meta nkunu bogħod minn Ġesù. Għandna nkunu anzjużi meta ninsew lil Alla għal aktar minn tliet ijiem, bla ma nitolbu, bla ma naqraw l-Evanġelju, bla ma nħossu l-ħtieġa tal-preżenza tiegħu u tal-ħbiberija konsolatriċi Tiegħu.

Spiss jgħaddu ġranet bla ma niftakru f’Ġesù, dan hu ħażin, ħażin ħafna. Meta jiġrilna hekk għandna nħossuna anzjużi. Marija u Ġużeppi fittxewh u sabuh fit-Tempju jgħallem. “Aħna wkoll fid-Dar t’Alla nistgħu niltaqgħu mal-Għalliem Divin u nirċivu l-Messaġġ tas-Salvazzjoni Tiegħu”.

“Fiċ-ċelelbrazzjoni Ewkaristika nagħmlu esperjenza ħajja ta’ Kristu. Hu jkellimna. Joffrielna kliemu. Jilluminana, idawwlilna t-triq, jagħtina Ġismu fl-Ewkaristija li minnha aħna nieħdu s-saħħa biex niffaċċjaw id-diffikultajiet ta’ kuljum,” qal il-Papa.

“Ejjew nitolbu għal dawk il-familji kollha tad-dinja, speċjalment dawk fejn għal raġunijiet differenti ma hemmx paċi u armonija. Nafdawhom fil-protezzjoni tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth”, temm jgħid Papa Franġisku.