Il-familja hi rigal mhux piż, isostni l-Kardinal Tagle

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle faħħar lill-familji li ddeskrivihom bħala “rigal” minn Alla li għandna nilqgħuh minkejja d-diffikultajiet li jġib miegħu.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet CBCP, il-Kardinal Tagle kien qed jitkellem fil-Konferenza “Il-Familja hi Rigal” li saret f’Pasing City fil-Filippini fi tmiem il-ġimgħa u lmenta li xi nies iħarsu lejn il-familja bħala piż u allura jobogħdu ż-żwieġ.

Il-Kardinal qal li dejjem se jkun hemm sfidi “imma dawn huma wkoll rigal li jwassluna biex niġġeddu u niskopru mill-ġdid il-ħidma li Alla jwettaq fina u l-pjan sabiħ li għandu għall-familja tagħna.”

Is-sabiħ tal-familja

“Anke bl-itqal sfidi, intom tiffaċċjawhom u tqisuhom bħala opportunità u taffermaw is-sbuħija tar-rigal tal-familja”, qal il-Kardinal Tagle.

Huwa qal li tagħraf il-familja bħala rigal ifisser li taċċettaha sħiħa anke jekk fiha jkun hemm xi partijiet li mhumiex perfetti.

Il-Kardinal żied jgħid li l-familja għandha l-akbar influwenza fil-ħajja tat-tfal u għalhekk “għandna missjoni speċjali għalihom”.

“Din il-missjoni mhix sempliċement obbligu, imma rigal li aħna lkoll mistiedna li naqsmu bejnietna”.

“Il-Familja hi Rigal” hi kampanja mmexxija mill-“Koppji għal Alla” li taħdem għall-protezzjoni u għajnuna lill-familji.

Dan l-avveniment hu organizzat mill-Kummissjoni Familja tal-Arċijoċesi ta’ Manila u sservi wkoll bħala ċelebrazzjoni tas-Sena taż-Żgħażagħ.