Awdjo: “Il-familja hi l-ġuf magħmul minn persuni differenti”

Id-Direttur il-ġdid tal-Moviment Ta’ Kana Dun Charles Attard qal li “l-familja hi ġuf magħmula minn diversi persuni b’karatteristiċi, talenti u bżonnijiet differenti.“
Fil-messaġġ tiegħu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment Ta’ Kana, Dun Charles spjega li hu b’hekk li wieħed jista’ jara l-ġmiel tal-familja. Ikkwota lill-Papa li ddeskriva l-familja bħala “qawsalla” u “mużajk prezzjuż”.
"Fil-familja m'għażilniex lil xulxin, imma aċċettajna lil xulxin"
Saħaq li fil-familja m’għażilniex lil xulxin, imma aċċettajna lil xulxin. Appella li l-familja ma tingħalaqx fiha nnifisha u li għandha tikkomunika lilha nnifisha. Sostna li l-familji m’għandhomx jibżgħu jmorru għand familji oħrajn biex jisimgħuhom u juru solidarjetà magħhom.
Dun Charles Attard stqarr, li mill-esperjenzi li ltaqa’ magħhom meta kien Kappillan, tgħallem kif il-familji b’rieda, irnexxielhom jegħlbu l-isfidi u li hekk għandha tagħmel kull familja.
Spjega li l-ebda familja mhi perfetta u li għaldaqstant għandha tkun determinata li titgħallem mill-iżbalji.
“Kull familja tista’ ssir skola ta’ maħfra”
Id-Direttur il-ġdid tal-Moviment ta’ Kana sostna li kull familja għandha l-limitazzjonijiet, in-nuqqas ta’ qbil u d-dgħufijiet tagħha, li meta jingħelbu u tintalab maħfra, “il-familja ssir skola ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni.”
Irrefera għall-messaġġ tal-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba,  meta qal li l-familja importanti li xxandar lilha nnifisha u tkun mezz ta’ evanġelizzazzjoni. Dun Charles spjega li “l-evanġelju tal-familja jfisser li l-familja hi aħbar tajba.”
"M'aħniex kapaċi nagħtu definizzjoni ta' x'inhi familja"
Id-Direttur tal-Moviment Ta’ Kana qal li llum għandna problema “li m’aħniex kapaċi nagħtu definizzjoni ta’ x’inhi familja.” Sostna li hu importanti li ħadd ma jibża’ jgħid dak li qal il-Mulej – “Sa mill-bidu Alla għamilhom raġel u mara.”  Irringrazzja wkoll lill-Arċisqof Charles Scicluna tal-fiduċja tiegħu meta għażlu bħala d-Direttur il-ġdid.
"Żviluppi li jiżnaturaw iż-żwieġ" 
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Moviment Dr Arthur Galea Salamone, semma diversi żviluppi f’Malta fil-qasam tal-familja u saħaq li wħud mil-liġijiet proposti “jiżnaturaw iż-żwieġ u jippreżentaw mudelli ta’ familja bbażati fuq l-awtonomija tal-individwu.”
Semma fost l-oħrajn iż-żwieġ bejn persuni omosesswali u l-abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni. “M’aħniex hawn biex niġġudikaw, imma nakkumpanjaw,” temm jgħid Dr Galea Salamone.