‘Il-familja għandu jkollha leħen attiv fit-tfassil tal-politika nazzjonali’

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment Kana talbu biex il-liġijiet u l-policies jgħaddu mill-għarbiel ta’ Family Impact Assessment. Jgħidu li f’kull każ għandha ssir konsultazzjoni mal-Għaqdiet tal-Familja. F’memorandum li ressqu lill-partiti politiċi fid-dawl tal-elezzjoni ġenerali, iż-żewġ entitajiet jisħqu fuq il-bżonn li tiġi promossa kultura fejn il-familja jkollha leħen attiv fit-tfassil tal-policies nazzjonali.

Fil-memorandum, il-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta’ Kana jisħqu fuq l-obbligu li l-istat jiddefendi u jsaħħaħ il-familja mibnija fuq iż-żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara. Din toffri l-aktar stabbiltà u għalhekk huwa fl-aħjar interess tal-ulied u tas-soċjetà.

Isemmu li l-Istat għandu l-obbligu wkoll li jara li jkunu rispettati d-drittijiet tal-persuni li qed jgħixu f’relazzjoni differenti imma dan ma jfissirx li dawn ir-relazzjonijiet jingħataw għarfien bħaż-żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara.

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta’ Kana jisħqu li l-istat għandu jkollu politika soċjali u ta’ housing li jiffavorixxu ż-żgħażagħ biex jersqu għaż-żwieġ. Jitolbu li titfassal politika li tiffavorixxi t-twelid ta’ aktar ulied fi ħdan il-familja. Fl-istess waqt għandu jkun rikonoxxut u mgħejjun is-sehem tal-ġenituri li jagħżlu li ma jaħdmux barra mid-dar biex irabbu ’l uliedhom.

Iħeġġu lill-istat biex fil-qasam edukattiv, tkun inċentivata r-riċerka dwar il-famija. Titlob li jiżdiedu l-counsellors fl-iskejjel biex jaraw it-tfal b’diffikultajiet minn kmieni. Dan minbarra l-għajnuna lill-miżżewġin fit-trobbija.

Aqra’ l-memorandum: http://maltadiocese.org/lang/en/news/memorandum-by-cana-movement-and-the-family-diocesan-commissionmemorandum-mill-moviment-ta-kana-u-mill-kummissjoni-djocesana-familja/