“Il-familja għaddejja minn żmien diffiċli” – oħt Charlene Farrugia

Noemi Farrugia, li tiġi oħt Charlene Farrugia li għebet 11-il sena ilu u x’aktarx instabu l-fdalijiet tagħha fis-sur fil-Belt Valletta qalet fuq Facebook kif bħalissa l-familja tinsab għaddejja minn żminijiet diffiċli.

Aqra: Jinstabu fdalijiet ta’ katavru fl-akkwati tal-Belt

Hi wriet l-apprezzament tagħha u tal-familja tagħha għal dawk kollha li wrew solidarjetà magħhom u offrew l-għajnuna u t-talb. Hi rringrazzjat b’mod speċjali lil Fr Daniel Cardona u lill-Korp tal-Pulizija tax-xogħol tagħhom.

Farrugia kien ilha ma tisma’ b’aħbar oħtha propju 11-il sena, hekk kif din kienet għebet lura fl-2008.

Aqra: Ċans li l-fdalijiet ta’ persuna fil-Belt huma ta’ Charlene Farrugia – rapporti

Il-Pulizija sabu fdalijiet ta’ katavru fl-akwati tal-Belt Valletta. Fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-każ imur lura għall-2008 meta bdew l-investigazzjonijiet dwar l-għibien ta’ tfajla Maltija minn San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija sabu dawn il-fdalijiet wara li John Paul Charles Woods, li ġie arrestat fuq każ separat ta’ hold-up fil-Gżira, qalilhom fejn kienu. Qed jingħad li allegatament kien hu stess li qatel lil Charlene Farrugia.

Illum, Woods intbagħat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati bil-hold-up fil-Gżira.

Aqra: Jeħel 7 snin ħabs ir-raġel li wettaq hold-up fil-Gżira

Farrugia kienet għebet fl-età ta’ 25 sena fis-7 ta’ Novembru tal-2008. Hi kienet tgħix il-Qawra u kienet dehret l-aħħar liebsa qmis sewda, jeans u papoċċ abjad. Il-Pulizija kienet ħarġet numru ta’ appelli għall-pubbliku dwarha sabiex jekk xi persuni kellhom xi informazzjoni dwar l-għajbien tagħha jwassluha lill-Pulizija. Minkejja dan hi qatt ma kienet instabet.