Il-familja Caruana Galizia trid li l-AĠ jinvestiga l-avukat li ngħaqad mat-tim ta’ Yorgen

L-avukat irreżenja mill-Uffiċċju tal-AĠ u ngħaqad mad-Difiża ta' Fenech

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kitbet lill-Avukat Ġenerali sabiex jiftaħ investigazzjoni interna wara li avukat li kien jaħdem fl-uffiċċju tiegħu, irreżenja jumejn ilu, u ġurnata wara ngħaqad mat-tim tad-difiża ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

L-avukat inkwistjoni huwa Dr Charles Mercieca, avukat żagħżugħ li gradwa sentejn ilu u kien ilu jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal kważi sentejn. Huwa deher għall-akkużat ilbieraħ fil-Qorti biex jitlob li l-klijent tiegħu jinħeles mill-arrest. Fenech qed jagħmel rikors kontra l-Avukat tal-Istat u kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika talli qed jinżamm arrestat.

Stqarrija mibgħuta mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia tgħid li t-tranżizzjoni ta’ Dr Mercieca għal avukat tad-difiża kriminali turi kollużjoni minn qabel bejn it-tim tad-difiża ta’ Fenech, magħmul minn Dr Marion Camilleri u Dr Gianluca Caruana Curran, u prosekutur kriminali fi ħdan l-Uffiċċju tal-AĠ. L-istqarrija tgħid li “l-implikazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-AĠ u għas-sistema tal-ġustizzja kriminali f’Malta li diġà hija dgħajfa huma serji.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi lbieraħ talab li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jagħti spjegazzjoni ta’ din il-kwistjoni peress li huwa l-obbligu morali u legali tiegħu li jagħmel dan.

Għaldaqstant, il-familja Caruana Galizia kitbet lill-AĠ biex jibda investigazzjoni interna u jittratta dan il-każ b’urġenza.

L-ittra ntbagħtet ukoll lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li hi responsabbli għad-dixxiplina fost l-avukati, peress li skont l-istqarrija tal-Fondazzjoni, l-aġir ta’ Dr Mercieca jmur kontra l-Kodiċi tal-Etika u l-Kondotta tal-Avukati.

Dr Mercieca rrappreżentah fil-Qorti
Yorgen Fenech jerġa’ jitlob li jinħeles