Il-familja Caruana Galizia titlob inkjesta fuq l-attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet rikors fil-qorti sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jibda investigazzjoni kriminali immedjata billi tinfetaħ inkjesta fuq l-attentat tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista, biex ixxaħħam lill-ġurnalist Ivan Martin mit-Times of Malta.

Il-Pulizija dalgħodu kkonfermat li tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ.

L-Avukat Gianluca Caruana Curran offra ammont ta’ flus – numru żgħir ta’ karti tal-€500 – lil Martin f’laqgħa li kellhom nhar it-Tnejn. Martin irrifjuta l-flus, u qal li Caruana Curran qallu li offra l-flus għax ma kienx jaf kif għandu jimxi ma’ ġurnalist.

L-avukati ta’ Fenech, Dr Caruana Curran, Dr Charles Mercieca u Dr Marion Camilleri, ma ċaħdux li offrew il-flus lill-ġurnalist, iżda insistew li dan qarraq bihom billi wera li kien lest li jgħinhom jiġġieldu kontra rappurtaġġ negattiv fuq Fenech.

F’rikors imressaq dalgħodu, iffirmat mill-avukati parte civile Dr Jason Azzopardi u Dr Therese Comodini Cachia, ingħad li din l-aħbar “xokkanti” timpinġi fuq il-ġustizzja f’dan il-każ sensittiv, peress li jidher li bl-aġir tagħhom, l-akkużat u l-avukati tiegħu “riedu jinfluwenzaw b’xiri l-opinjoni pubblika favur l-imputat b’mod kriminal, qarrieqi, diżonest u frodulenti.”

Il-parte civile trid li din l-aħbar tkun inkluża fl-atti tal-proċeduri kriminali kontra Yorgen Fenech sabiex ikun muri kif l-akkużat, li ilu taħt arrest preventiv minn Novembru li għadda, fi kliem l-avukati, “inqabad jinkwina r-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.”

Qalu wkoll li jistennew li Dr Caruana Curran jimxi b’mod rett, b’integrità u b’lealtà lejn il-Qorti. L-avukati tal-familja ħassew li għandhom id-dmir li jinfurmaw lill-Maġistrat Rachel Montebello, li qed tippresiedi l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Fenech, b’dak li seħħ.

Iridu li ssir investigazzjoni u tinfetaħ inkjesta fuq il-każ biex jinġabru l-provi kollha u jittieħdu l-passi kriminali meħtieġa kontra dawk kompliċi f’dan ir-reat.