Il-familja Caruana Galizia tfittex lill-5 irġiel involuti fl-assassinju għad-danni

Miguela Xuereb

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qiegħda tfittex għad-danni lill-ħames irġiel involuti fl-assassinju tal-ġurnalista.

Dan tħabbar mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, li fiha ġie spjegat li l-familja qed tieħu din l-azzjoni legali sabiex twaqqafhom milli jużaw l-assi tagħhom biex “ikomplu jikkorrompu l-ħajja pubblika u l-istituzzjonijiet.”

L-azzjoni qed tittieħed kontra l-ħames irġiel formalment identifikati li kellhom irwol fil-qtil tal-ġurnalista. Għalhekk huwa mifhum li dawn huma it-tliet irġiel akkużati bil-qtil tagħha: Alfred u George Degiorgio, magħrufin bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu, u Vince Muscat il-Koħħu, is-sensar fl-assassinju Melvin Theuma li ngħata maħfra presidenzjali u Yorgen Fenech, in-negozjant li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

Id-danni miksuba għandhom imorru għall-għanijiet tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li huma li jiżguraw li ssir ġustizzja sħiħa fl-assassinju, li jiġu protetti l-ġurnalisti investigattivi, li tintemm l-impunità fil-qtil tal-ġurnalisti, biex jitħares xogħol Daphne Caruana Galizia, għall-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja, u fis-sapport tal-midja indipendenti u mhux partiġġjana.

Din l-applikazzjoni ġiet iffirmata mill-Avukati Joe Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi.