“Il-familja Caruana Galizia kien jixirqilha tkun infurmata aħjar”

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili stqarret li hija ddiżappuntata li l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ma ġietx infurmata b’mod xieraq dwar l-arrest ta’ 10 persuni.
Semmiet ukoll id-diżappunt dwar il-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija “għadu ma ħareġ l-ebda kumment minkejja li ninsabu fi stat tant kruċjali b’potenzjal li jissolva l-każ”.
Minkejja dan, in-Netwerk tesprimi tama li ssir ġustizzja fuq kull livell ta’ involviment fil-qtil ta’ Caruana Galizia u mhux biss ma’ dawk li eżegwewh.
Tappella wkoll l-importanza li tingħata protezzjoni sħiħa lill-eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris u li jitkomplew l-investigazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-Panama Papers u l-prattika tal-FIAU.
It-tliet persuni li se jiġu mressqa l-qorti llejla b’rabta mal-każ huma Vince Muscat magħruf bħala “l-Koħħu” u l-aħwa Degiorgio.
Ritratt: Ian Noel Pace