Il-FAM tiftaħ il-bibien għal 81 rekluti u uffiċjali kadetti ġodda

Illum il-Forzi Armati ta’ Malta laqgħet 81 rekluti ġodda fost dawn għaxar suldati ġodda nisa.
Ħdax-il uffiċjal kadett, fosthom ħames tfajliet saru wkoll parti mill-FAM.
Dawn ir-rekluti l-ġodda temmew b’suċċess il-proċess tal-għażla li jikkonsisti f’eżami bil-miktub, eżami fiżiku u mediku.
Hekk kif irrapurtaw għall-ewwel darba fil-barracks ta’ Ħal Luqa, ir-rekluti l-ġodda ħadu l-ġurament ta’ lealtà lejn iċ-ċittadini u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni.
Fil-ġimgħat li ġejjin, dawn se jkomplu bit-taħriġ tagħhom permezz ta’ aktar eżercizzji fiżiċi u anke kompetenza fl-użu ta’ armi, taħriġ għall-parati, drills ċerimonjali u qari ta’ mapep.
Apparti minn hekk se jkunu eżamitati għall-karattru morali, il-motivazzjoni, id-determinazzjoni u anke mħeġġa biex isegwu r-regoli u jżommu l-iġene sġeċjalment fl-ilbies.
Se jkollhom ukoll taħriġ fil-Liġi Militari, fil-Liġi Umanitarja Internazzjonali, u l-etika militari fost oħrajn.
Wara dawn il-ġimgħat, ir-rekluti jkunu msejħa għall-Passing-out Parade li tfisser it-tranżizzjoni mill-ħajja ċivili għal dik militari.
Imbagħad, skont il-kompetenza tagħhom jsibu ruħhom f’taqsima tal-FAM.
L-uffiċjali kadetti se jkollhom ukoll taħriġ barra minn Malta mal-Armata Ingliża u Irlandiża.