“Il-FAM hija armata unika għax turi qlubija kbira” – Il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca tat ċertifikati tal-kummissjoni tal-fizzjali lil 16-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, waqt ċerimonja fil-Palazz, il-Belt Valletta.
Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta qalet li l-Forzi Armati ta’ Malta hija armata unika, li minkejja li hija fost l-iżgħar armati fid-dinja, turi qlubija kbira. 
Il-President spjegat, li kif ippruvat fl-istorja, l-armata kienet dejjem involuta biex tagħti s-sehem tagħha anki fi kwistjonijiet li seħħew fir-reġjun ta’ pajjiżna.
Il-President faħħret id-diskors tal-Amministatur Appostoliku l-Isqof Charles Scicluna li wkoll ikkummenta b’mod pożittiv dwar is-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta meta persuni mill-kontinent Afrikan jisfaw f’diffikultajiet fil-baħar.
Il-President qalet li l-pajjiż huwa kburi bil-forzi armati ta’ Malta minħabba l-ħidma kbira li jwettqu. 
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela awgura lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li se jitilgħu skala oħra u jsiru fizzjali, filwaqt li għarrafhom fuq l-importanza ta’ dan l-unur prestiġjuż li ngħatalhom mill-President ta’ Malta.
Il-Ministru Abela tkellem fuq l-obbligi u s-sens ta’ tmexxija u dixxiplina li dan ir-rwol iġib miegħu. 

Ritratt: Jeremy Wonnacott