Il-falliment tal-Knisja li tipproteġi l-poplu t’Alla se jkun indirizzat

Il-Kardinal DiNardo jwiegħed li l-Isqfijiet Amerikani se jieħdu passi li jipproteġu lill-insara

Il-Kardinal  Daniel N. DiNardo, Arċisqof ta’ Houston  u President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani qal li l-konferenza se tieħu passi biex tindirizza l-falliment tal-Knisja li tipproteġi l-poplu t’Alla.

L-akkużi kontra l-Kardinal Theodore McCarrick jikxfu falliment morali gravi fil-Knisja. Iġibu rabja, dwejjaq u mistħija fost l-Isqfijiet. Iġiegħlu lill-Isqfijiet jistaqsu x’seta’ jsir aktar biex nipproteġu l-poplu t’Alla? Kemm l-abbużi fihom infushom u l-fatt li baqgħu moħbija għal għexieren ta’ snin,  kkaġunaw ħsara kbira fil-ħajja tan-nies u juru falliment ta’ ġudizzju morali gravi min-naħa tal-mexxejja tal-Knisja.

Di Nardo qal li dawn il-falliment ipoġġu mistoqsijiet serji. Għaliex dawn l-allegazzjonijiet ta’ dnubiet kontra l-kastità ma kienux żvelati meta nġiebu għall-attenzjoni ta’ uffiċjali tal-Knisja?  Għaliex din is-sitwazzjoni gravi ma kinitx indirizzata snin qabel u saret ġustizzja? X’iridu jagħmlu s-seminarji tagħna biex jiddefendu l-libertà li wieħed jiddixxerni l-vokazzjoni saċerdotali bla ma jkun suġġett għal abbuż tal-poter?

Hu sew li l-Kardinal McCarrick issa jrid jiffaċċja proċess kanoniku mis-Santa Sede dwar l-allegazzjonijiet kontrih, imma hemm ukoll passi li għandna nieħdu aħna bħala Knisja fl-Istati Uniti.

Għalhekk il-Kardinal sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Konferenza tal-Isqfijiet. F’Settembru se ssir laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv u Assemblea Ġenerali f’Novembru. Dawn id-diskussjonijiet kollha se jservu biex ikun stabbilit b’mod ċar x’għandu jsir f’każi bħal dawn.

Di Nardo qal li għalkemm dan il-proċess jista’ jieħu xi ftit fit-tul hu ried jenfasizza erba’ punti ewlenin.

L-ewwel nett inkoraġixxa lill-Isqfijiet biex fid-djoċesijiet tagħhom iwieġbu b’kumpassjoni u ġustizzja ma’ kull min kien vittma ta’ abbuż jew fastidju minn xi ħadd fil-Knisja. Dawn in-nies irrid nakkumpanjawhom b’kull mod.

It-tieni ħeġġeġ lil kull min esperjenza xi attakk sesswali minn xi ħadd fil-Knisja biex jitkellem. Fejn l-inċident ikun jammonta għal delitt kriminali għandu jkun rappurtat ukoll lill-forzi tal-ordni lokali.

It-tielet, il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani se tkun qed issegwi mill-qrib il-kwistjoni tal-Kardinal McCarrick u tieħu l-passi meħtieġa skont l-awtorità li għandha u fejn l-awtorità tagħha ma tasalx tkellem lil min għandu l-awtorità għax b’mod jew ieħor hi determinata li toħroġ il-verità kollha.

Fl-aħħarnett l-Isqfijiet jirrikonoxxu li hemm bżonn ta’ konverżjoni spiritwali filwaqt li jfittxu jirrestawraw l-aħjar relazzjoni bejniethom u ma’ Alla. Il-Knisja qed issofri minn kriżi ta’ moralità sesswali. It-triq ‘l quddiem hi li nitgħallmu mid-dnubiet tal-imgħoddi, temm jgħid il-Kardinal Di Nardo.