Il-Facebook jista’ jwassal għad-depressjoni

Tfajliet li jużaw il-Facebook b’mod regolari għandhom ċans ikbar li jbatu mid-depressjoni u stima baxxa tagħhom infushom.

Studju minn università Awstraljana juri li l-bniet li jqattgħu ħin twil fuq Facebook, Twitter u MySpace għandhom tendenza akbar li ma jogħġbuhomx il-figura u l-piż tagħhom infushom.

L-analiżi saret fost 1,096 tfajla ta’ bejn it-12 u s-16-il sena. Instab li 40% minnhom mhux kuntenti bil-figura tagħhom u nofshom huma mwerwra li jżidu l-piż.

Instab li iktar ma dawn it-tfajliet jużaw l-internet u l-midja soċjali, iktar kellhom probabbilta’ iċedu għal dawn il-ħsibijiet negattivi.

Dr Amy Slater u Prof. Marika Tiggemann li għamlu l-istudju fl-Università ta’ Flinders qalu li r-riżultati huma inkwetanti u juru rabta negattiva bejn l-użu esaġerat tal-internet u dak li ż-żgħażagħ jaħsbu dwarhom infushom.