“Sharpston mhix ċara dwar l-insib f’Malta” – FACE

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE) siltet tliet waqtiet mill-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Sharpston dwar l-insib f’Malta li skontha mhumiex korretti.
Il-FACE kien qed iwieġeb fi stqarrija għall-opinjoni li ressqet l-AĠ tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja lbieraħtlula fil-Lussemburgu. Sharpston qed tgħid li Malta qed tonqos milli timxi mad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar Slavaġ.
Il-federazzjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar tliet punti mqajma mill-AĠ li wassluha biex tesprimi dan il-verdett fuq l-insib f’Malta.
Fost l-oħrajn, Sharpston irreferiet għad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar, meta qalet li d-direttiva qiegħda hemm bhiex tipproteġi lill-għasfur u mhux biex tirregola kif isiru aktar kaċċa u nsib.
Il-FACE ikkjarifika li d-direttiva tinkludi wkoll is-sinjifikanza kulturali tal-insib, u mhux biss is-sinjifikanza ekoloġika.
B’hekk, tkompli l-istqarrija, id-direttiva ma tenfasizzax biss fuq il-protezzjoni tal-għasafar, iżda ankui fuq il-protezzjoni tat-tradizzjoni.
Dwar l-argument ta’ Sharpston meta qalet li ma tħossx li pajjiż jista’ jaqbad u jidderoga kif għamlet Malta, il-FACE wieġeb li madwar 5,000 derogazzjonijiet jiġu applikati fis-sena minn Stati Membri, u dawn jiġu applikati b’mod ġenerali.
Fl-aħħarnett, dwar kemm il-kaċċa hija verament meħtieġa, il-FACE jikkwota kawża imgħoddija li tgħid li l-kaċċa fi żmienha u anki barra minn żmienha bil-għan li l-għasfur jinżamm ħaj jistgħu jidħlu fil-qafas tal-ħtieġa skont id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
Sadanittant, Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalu fi stqarrija li mill-opinjoni ta’ Sharpston joħroġ ċar li din ma taf xejn f’dak li għandu x’jaqsam mal-insib f’Malta.
Il-KSU sostniet li se tagħmel dak kollu legalment possibbli biex tħares id-delizzju tal-insib, u ħeġġet lill-Gvern u l-awtoritajiet biex jibqgħu japplikaw id-deroga bil-mod kif qed imexxuha sabiex l-insib jibqa’ jiġi pprattikat.
Ritratt: FKNK