‘Il-fabbrika tal-kanċer twieldet mill-ġdid’ – Delia

Facebook - Adrian Delia

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li, “il-fabbrika tal-kanċer” reġgħet twieldet mill-ġdid. Huwa kien qed jirreferi għall-power station tal-Marsa wara li l-Gvern reġa’ beda jużaha. Il-Partit Laburista kien għamel kampanja dwar il-power station tal-Marsa li hija “fabbrika tal-kanċer”.

Delia kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET Television. Huwa kien qed jitkellem fuq is-sitwazzjoni preżenti li għaddejja minnha Malta. Delia tkellem ukoll dwar l-elezzjoni tal-mexxej ġdid tal-Partit Laburista u Prim Ministru ta’ Malta, kif ukoll dwar l-isfidi li qed taffaċċja Malta fis-settur tal-enerġija.

‘Fearne u Abela qed jikkupjaw lill-PN

Delia qal li ħadd mill-kandidati ma wera sustanza tul il-kampanja għall-elezzjoni li ġejja għall-ħatra ta’ mexxej ġdid għall-Partit Laburista u Prim Ministru ta’ Malta. Żied li matul din il-kampanja ħadd minnhom ma indirizza l-ħsara li saret fir-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Kap tal-PN qal li l-għażla hija bejn Robert Abela li kien il-konsulent għal Malta tal-iktar Prim Ministru korrot u Chris Fearne li kien l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat. Kompla li minkejja dak kollu li ġie żvelat fl-aħħar jiem, iż-żewġ kandidati taw il-fiduċja tagħhom lil Joseph Muscat.

Skont Delia, kemm Fearne kif ukoll Abela qed jikkupjaw il-proposti tal-Partit Nazzjonalista li jinkludu l-proposti dwar l-Uffiċċju tal-President u s-soċjetà ċivili.

Jien tlabt lill-pulizija jinvestigaw lil Cini – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa sfida lil Fearne biex jiġi investigat Karl Cini. Wara li Fearne ma ħax azzjoni Delia għamel rapport dwar Karl Cini lill-Pulizija. Żied li wara ftit minuti l-pulizija ħabbru li Cini diġà kien qed jiġi investigat.

Dwar is-settur tal-enerġija, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan kien ‘falliment totali’. Huwa qal li l-power station tal-Marsa kienet qed taħdem filwaqt li l-powerstation il-ġdida mibnija mill-ElectroGas ma kinitx.