Il-Eurovision se jsir f’Rotterdam

Rotterdam, fl-Olanda, hija l-belt magħżula biex tospita l-edizzjoni tal-2020 tal-Eurovision Song Contest.

L-aħbar ħarġet ftit tal-ħin ilu mill-European Broadcasting Union (EBU) u mix-xandara nazzjonali Olandiżi, l-istazzjonijiet NPO, NOS u AVROTROS.

Issa d-delegazzjonijiet u anki d-dilettanti tal-Eurovision Song Contest faċilment jistgħu jibdew jippjanaw biex isibu fejn se jkunu qed joqogħdu matul il-ġranet tal-preparazzjonijiet li jwasslu għas-serati tas-semi finali tat-12 u 14 ta’ Mejju, u s-16 ta’ Mejju 2020.

L-arena li fiha se tkun qed tittella’ l-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest hija r-Rotterdam Ahoy, li tinsab fil-qalba tal-belt.

Din l-arena ilha miftuħa mill-1971 u tilqa’ madwar 15,000 spettatur, u f’dawn l-aħħar snin laqgħet kunċerti ta’ artisti kbar bħal Kylie Minogue, Gloria Estefan, US, Mariah Carey u Britney Spears.