Il-Europol tgħin lil Malta biex tinstab tifla li tħarrbet minn Malta

Read in English.

Il-pulizija Maltija tkellmet mal-Europol biex tgħin fi tfittixija ta’ tifla li allegatament tħarrbet minn Malta minn ommha b’mod illegali.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li t-tifla li hija minuri kienet qiegħda tgħix mal-foster family u kellha aċċess mhux sorveljat mal-omm għal numru ta’ sigħat is-Sibt u l-Ħadd. Il-Ministeru spjega li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord ta’ reviżjoni wara li anke l-minuri wriet ix-xewqa li jkollha iktar ħin ma’ ommha. Ġie spjegat li din id-deċiżjoni kienet ukoll fid-dawl ta’ pjan ta’ riintegrazzjoni tat-tifla ma’ ommha bijoloġika.

It-Tnejn 12 t’Ottubru 2020, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar. Kien għalhekk li l-ħaddiema soċjali marru immedjatament jagħmlu viżta d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz. Kien għalhekk li minnufih sar rapport lill-pulizija.

Fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew. Il-Ministeru qal li d-Direttorat tat-Tfal tkellem ukoll mal-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta fejn irriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali.

Il-Ministeru għall-Familja qal li d-Direttorat tat-Tfal qed iżomm komunikazzjoni kontinwa mal-pulizija u ma’ awtoritajiet oħra filwaqt li qed jagħti kull assistenza possibbli li hemm bżonn lill-foster family.