Il-Europol f’Malta; laqgħat mal-Ministru u l-Kummissarju

MHAS

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, Catherine De Bollem żaret Malta sabiex tiddiskuti mal-Ministru għall-Intern u l-Korp tal-Pulizija l-kriminalità lokali u transfruntiera u titlob għal aktar koperazzjoni bejn Malta u l-aġenzija. Il-Europol hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea inkarigata mill-ħarsien tal-liġijiet li ġiet iffurmata fl-1998.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, intqal kif De Bolle attendiet laqgħat mal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, flimkien ma’ uffiċjali għolja fil-Korp.

Ma’ De Bolle, il-Ministru Farrugia tkellem dwar it-taħriġ tal-individwi u spjega x-xogħol u l-bidliet li jsiru fil-Korp tal-Pulizija biex jissaħħu s-sezzjonijiet tal-economic crime unit, is-cyber crime u l-forensic unit.

Waqt il-laqgħa mal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ġew diskussi suġġetti relatati mal-kriminalità, bil-foka tad-diskussjonijiet tkun fuq aktar koperazzjoni bejn Malta u l-Europol sabiex jiġġieldu kontra t-theddid tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu għat-tisħiħ taċ-ċittadini Maltin u dawk tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tagħha De Dolle irrimarkat kif il-Europol u Malta għandhom relazzjoni tajba u din iż-żjara serviet bħala opportunità biex iż-żewġ partijiet ikompu jaħdmu flimkien u jappoġġjaw lil xulxin.