Il-EUPA bi 12-il applikazzjoni għall-Korp Ewropew tas-Solidarjetà

Ritratti: MEAE_PS

L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) rċeviet 12-il applikazzjoni li kollha laħqu l-kwalità mistennija mill-Kummissjoni Ewropea għall-Korp Ewropew tas-Solidarjetà (ESC).

Dan qalu s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej fi stqarrija. Fl-2014 EUPA bdiet tikkordina l-implimentazzjoni tal-programm ta’ fondi Ewropej Erasmus+ u fl-2017 bdiet tikkordina l-implimentazzjoni tal-KETS.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia faħħar il-programm Erasmus+ li permezz ta’ fondi Ewropej qed jgħin lill-iskejjel, liż-żgħażagħ, lil dawk li qed isegwu edukazzjoni vokazzjonali, terzjarja u dik għall-adulti flimkien mas-settur tal-isports. Farrugia qal dan waqt żjara li għamel lill-ħaddiema tal-EUPA.

Is-Segretarju Parlamentari qal li ż-żgħażagħ se jkollhom ukoll l-opportunità biex jitħarrġu fuq il-post tax-xogħol u anke saħansitra jieħdu esperjenza ta’ xogħol f’pajjiż ieħor kif ukoll f’Malta. “Is-sejħa li jmiss hi għal Frar 2019 u għalhekk inħeġġu organizzazzjonijiet speċjalment dawk li jaħdmu fil-volontarjat biex japplikaw għal fondi Ewropej taħt il-programm KETS” qal Farrugia.