Il-€100 vouchers lura f’Jannar

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern se jerġa’ jqassam il-vouchers biex jistimula l-ekonomija. Dawn se jerġgħu jiddaħħlu f’Jannar li ġej.

Il-Ministru spjega li se jkun hemm xi tibdil, fosthom fid-denominazzjoni ta’ kull voucher individwali li minn €20 se jinżlu għal €10 u €15. It-total se jibqa’ ta’ €100.

Għall-istabbilimenti tat-turiżmu bħalma huma lukandi, ristoranti u bars, se jkun hemm €60 filwaqt li għall-ħwienet tar-retail se jkun hemm €40.

Il-Ministru qal li din il-miżura se tiswa €50 miljun.

Apparti din il-miżura għaż-żmien tal-pandemija, il-Gvern se jgħin ukoll billi jkompli jagħti l-leave ta’ kwarantina.

S’issa intużaw aktar minn 80% tal-vouchers li tqassmu fis-sajf.

Wage supplement se jkompli sa Marzu 2021

Il-Gvern ħabbar ukoll li se jkompli jagħti l-għajnuna lil min iħaddem bil-miżura tal-Wage Supplement sa Marzu tas-sena d-dieħla.

Il-wage supplement kien estiż numru ta’ drabi, inkluż f’Settembru, fejn ġie estiż sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Ġie spjegat li wara Marzu, se jkun hemm aġġustamenti f’din il-miżura li se jolqtu lin-negozji li jkunu sejrin tajjeb.

Il-Ministru semma ż-żewġ fondi tal-Unjoni Ewropea għaż-żmien tal-pandemija:

  • ReactEU li permezz tiegħu Malta se tieħu €120 miljun fi flus li bihom se jitħallsu l-wage supplements.
  • Faċiltà għall-Irkupru u Reżiljenza (RRF): €220 miljun ta’ għotjiet fis-setturi tal-ambjent u l-klima, kif ukoll il-bidla lejn realtà iktar diġitali, fost l-oħrajn.
Tista’ ssegwi l-baġit LIVE hawnhekk:
BAĠIT 2021: Id-diskors LIVE mill-Parlament