Il-cruiseliners sorġuti jiżdiedu b’medja ta’ 4.3% fis-sena mill-2013 ‘l hawn

Il-perċentwal ta’ cruiseliners sorġuti ftit ’il fuq mill-waterfront tal-Belt Valletta mill-2013 sal-2017 żdied b’medja ta’ 4.3%.
Dan il-perċentwal ħareġ minn ċifri ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, bi tweġiba għall-mistoqseija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina.
Mit-tabella li ppreżenta l-Ministru, jidher li l-aktar sena li fiha sorġew dawn it-tip ta’ bastimenti kienet is-sena l-oħra, bi 320.
Fl-2016 sorġew 310, fl-2015 291, fl-2014 285, u fl-2013 270. Sa Frar ta’ dis-sena diġà daħlu 11-il cruiseliner, 6 f’Jannar u 5 fi Frar.
B’kollox, mill-2013 sal-2018 fi Frar, daħlu 1,487 bastiment ta’ dan it-tip.
L-akbar qabża kienet fl-2016, b’żieda ta’ 6.5% fuq is-sena ta’ qabel.
Ix-xhur l-aktar imħabbtin dejjem kienu dawk ta’ bejn April-Mejju u Ottubru-Novembru.