Filmat: “Il-cruiseliners qed iniġġsu l-arja fil-Belt” – BirdLife

Studju mill-BirdLife Malta sab li l-kwalità tal-arja fil-Belt Valletta qed tiġi affetwata b’mod negattiv mill-cruiseliners.

Dan l-eżerċizzju sar fit-23 u l-24 ta’ Ġunju waqt il-wasla u t-tluq ta’ erba’ cruiseliners u numru ta’ vapuri oħra iżgħar fil-Port il-Kbir bħala parti mill-proġett Together Against Air Pollution from Ships.

Bħala parti mill-eżerċizzju ħadu kampjuni tal-arja minn faċċata tat-terminal tal-passiġġieri tal-cruiseliners fl-Isla, li sostnew juru konċentrazzjoni qawwija ta’ frak fin ħafna meta jkunu deħlin u ħerġin il-vapuri fil-port, u anke meta jkunu marbutin mal-moll.

Fi stqarrija, il-BirdLife spjegat li matul ix-xhur tas-sajf, meta fil-Port il-Kbir jistgħu jorbtu f’daqqa massimu ta’ seba’ bastimenti tal-passiġġieri, il-vapuri jkomplu jikkontribwixxu mal-livelli “diġà għoljin ta’ emissjonijiet fl-arja f’Malta.”

L-espert tal-kwalità tal-arja, Dr Axel Friedrich qal li “l-emissjonijiet mill-vapuri għandhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem, għax jeffettwaw ħażin il-funzjoni tal-pulmuni u jżidu r-riskju ta’ mard kardjovaskulari, kif ukoll l-ażma li jiġi kkawżat b’mod partikolari minn ossidi tan-nitroġenu u ultrafine particles”.

Skont l-istqarrija, l-aktar persuni milquta mit-tniġġis tal-arja mill-vapuri huma r-residenti li jgħixu viċin il-port, iżda dan ma jeskludix l-atmosfera ta’ żoni mbiegħda.

Il-BirdLife irreferiet ukoll għal ċifri tal-Kummissjoni Ewropea li jgħidu li mal-50,000 persuna jmutu qabel iż-żmien kull sena fl-Ewropa minħabba t-tniġġis tal-arja mill-vapuri.

Temmew l-istqarrija b’appell lill-Gvern sabiex jindirizza b’mod serju l-problema tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri f’Malta u jerfa’ r-responsabbiltà billi jagħti l-eżempju f’dan il-qasam. Il-parir tal-BirdLife hu li jadotta politika ta’ emmissjoni żero fil-qasam tat-tbaħħir.