Il-Covid-19 tħalli żewġ vittmi oħra

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li żewġ irġiel mietu waqt li kienu pożittivi bil-Covid-19 f’jum fejn ġew irrapurtati 106 każ ġdid tal-coronavirus.

Il-pandemija kkawżat 59 mewt f’Malta minn Marzu ‘l hawn.

L-ewwel każ kien ta’ raġel ta’ 82 sena li ddaħħal l-isptar Mater Dei fil-25 ta’ Settembru u kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-26 ta’ Ottubru. L-anzjan miet ilbieraħ fl-isptar Mater Dei.

It-tieni każ kien ta’ raġel ta’ 66 sena kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fl-1 ta’ Ottubru u li ddaħħal l-isptar Mater Dei fit-8 ta’ Ottubru. Ir-raġel baqa’ jingħata kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei fejn miet ilbieraħ.

L-awtoritajiet ħabbru li ż-żewġ pazjenti kienu jbatu minn mard kroniku ieħor.