“Il-COVID-19 se ġġib piżijiet ġodda fuq l-edukaturi Għawdxin” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Għawdxin jinsabu mħassbin dwar in-nuqqas tal-li jindirizza l- problemi li ħolqot l-imxija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-edukazzjoni.

Fi stqarrija l-PN qal li hemm tħassib fost ħafna għalliema u LSE’s Għawdxin li jaħdmu Malta u li ta’ kuljum jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer biex imorru għax-xogħol. Dan l-ivjaġġar isir mhux biss bil-vapur, iżda wkoll permezz ta’ mini-buses li llum saru l-aktar mezz konvenjenti ta’ vjaġġar f’Malta għal dawn il-ħaddiema.

Il-PN sostna li l-imxija tal-COVID-19 se twassal għal piżijiet ġodda fuq dawn il-ħaddiema, li l-Gvern jeħtieġ li jindirizza. Fost dawn, il-piżijiet hemm ir-riskji ta’ infettar bil-COVID-19 meta wieħed ikun qed jivjaġġa ma’ oħrajn għal tul ta’ ħin fi spazju żgħir bħalma huwa dak f’mini-bus. Hemm ukoll il-fatt li ħafna operaturi jidher li qed inaqqsu l-ammont ta’ passiġġieri li lesti jġorru fil-vetturi, pero` bil-prezz għal kull vjaġġ jibqa’ dak ta’ qabel il-COVID-19. B’hekk, ras għal ras, kull passiġġier ikollu jhallas aktar, għax il-prezz jinqasam fuq inqas nies.

Żied jgħid li mbagħad sa fejn huwa possibbli, korsijiet li jistgħu jsiru online għandhom jingħataw il-possibbilta’ tat-tagħlim virtwali għall-Għawdxin. Speċjalment meta l-użu ta’ faċilitajiet ta’ dan it-tip, ilu jinħass f’Għawdex sa minn qabel l-imxija tal-COVID-19 u dan għaliex tippermetti lill-istudenti Għawdxin li jsegwu l-istudji tagħhom u fl-istess ħin jiffrankaw l-iskariċċ li jkollhom jivjaġġaw lejn/jew joqogħdu fiżikament f’Malta, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu fosthom spejjeż żejda f’kiri ta’ appartamenti u ħela ta’ ħin fi vjaġġar.

“Il-Gvern hemm bżonn jintervjeni u jindirizza din is-sitwazzjoni” – Forum Unions Maltin

Sadanittant il-Forum Unions Maltin qalet li ż-żieda fl-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin se twassal biex l-iskeda tal-Gozo Channel ikollha tittardja għax ma tkunx tista’ tlaħħaq mad-domanda ta’ passiġġieri.

Il-Forum qalet li minħabba l-miżuri tas-sigurtà tas-saħħa minħabba l-Covid-19 kull vjaġġ se jkun jista’ jkollu inqas passiġġieri u dan se jwassal biex nofs l-ammont ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer se jibqgħu l-art u jispiċċaw ikunu tard. Skont il-Forum dan se jwassal f’iktar diffikultajiet u tbagħtija għal dawn in-nies li jivjaġġaw kuljum bejn Malta u Għawdex.

Il-Forum Unions Maltin appellat lill-Gvern biex jintervjeni u jindirizza din is-sitwazzjoni.