Il-Covid-19 qed tfakkarna fis-solidarjetà globali – Il-President

president-george-vella
Ritratt: OPR

Read in English.

Fid-diskors tradizzjonali tiegħu lill-Ambaxxaturi barranin akkreditati għal Malta u lill-Konsli Onorarji fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida, il-President ta’ Malta George Vella qal li l-Covid-19 qed tfakkarna fis-solidarjetà globali. Vella rrifletta wkoll dwar l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19 fuq id-diplomazija.

Din is-sena l-awgurju tal-President sar b’mod virtwali minflok bl-ikla tradizzjonali li ssir fil-Palazz Verdala.

Il-President qal li l-teknoloġija għenitu biex iżomm kuntatt madankollu huwa kompla jikkonvinċi lilu nnifsu li fid-diplomazija xejn ma jbiddel il-kuntatt personali mal-persuna. Huwa esprima t-tama li fiż-żmien li ġej kollox jerġa’ jirritorna għan-normal.

Vella appella li meta jingħalaq dan il-kapitlu, kulħadd ikun tgħallem minnu u ma jintremewx il-lezzjonijiet li wieħed ikun tgħallem. Huwa semma li l-ewwel lezzjoni hija s-solidarjetà globali u l-kompassjoni li fl-aħħar xhur salvaw il-ħajjiet. Spjega li din is-solidajetà ntweriet fil-ħidma fuq il-vaċċin kif ukoll li ġie assigurat li l-ilbies preventiv, l-għodda medika u l-vaċċini jkunu aċċessibbli.

L-ebda pajjiż mhu sigur qabel id-dinja tkun sigura – Evarist Bartolo

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-ebda pajjiż ma jista’ jkun sigur qabel id-dinja tkun sigura. Huwa kien qiegħed jirreferi għas-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19. Il-Ministru qal dan waqt id-diskors tradizzjoni lill-Ambaxxaturi barranin akkreditati għal Malta u lill-Konsli Onorarji fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida.

Bartolo qal li l-pandemija tal-Covid-19 hija għadu komuni u wieħed kien jemmen li l-mexxejja tad-dinja kienu se jingħaqdu biex jaħdmu flimkien jiġġieldu dan il-virus. Żied li l-Covid-19 ħarġet fid-deher l-aħjar u l-agħar tal-persuni. Il-Ministru Bartolo żied li s-suċċess kontra din il-pandemija jiddependi mil-livell ta’ koperazzjoni li se jkun hemm bejn iċ-ċittadini, il-gvernijiet u l-pajjiżi.

Fid-diskors tiegħu huwa kompla li l-governanza se tkun iktar diffiċli hekk il-qgħad jiżdied u tiddgħajjef il-protezzjoni soċjali. Kompla li dan jista’ jkollu impatt fuq l-elezzjonijiet futuri fl-Ewropa din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla.