Il-Covid-19 qed joqtol persuna kull 17-il sekonda fl-Ewropa – WHO

Coronavirus, COVID-19, Community response, Health workers, PPEs, medical supplies, Lebanon
WHO

Read in English.

Fl-Ewropa, il-Coronavirus qed jikkawża l-mewt ta’ persuna kull 17-il sekonda. Dan qalu l-kap reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa hekk kif il-pandemija qed tkompli thedded is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi madwar id-dinja kollha.

Dr Hans Kluge qal li t-53 pajjiż li jagħmlu parti mir-reġjun Ewropew irreġistraw bejniethom 15.7 miljun każ ta’ Coronavirus, erba’ miljuni minn dawn kienu rreġistrati matul ix-xahar ta’ Novembru. Intant, kienu rreġistrati wkoll 355,000 mewta b’kollox fir-reġjun Ewropew.

Aktar minn 80% tal-pajjiżi kienu qed jirrappurtaw rati għoljin matul l-aħħar ġimgħatejn fejn jidher li f’ħafna pajjiżi qed jinstabu mal-100 każ ġdid pożittiv għal kull 100,000 persuna. Madwar terz ta’ dawn il-pajjiżi qed jirrappurtaw 700 każ għal kull 100,000 persuna.

B’riżultat ta’ dan, is-sistemi tas-saħħa ta’ ħafna pajjiżi qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira. Fi Franza, is-swali tal-kura intensiva jinsabu 95% okkupati. Fl-Iżvizzera, dawn l-iswali qed joperaw fil-massimu tagħhom.

Madanakollu Kluge qal li l-miżuri introdotti mill-gvernijiet jidher li qed juru raġġ ta’ tama. Dan hekk kif in-numru ta’ każi ġodda fil-ġimgħa niżlu minn żewġ miljuni għal 1.8 miljuni l-ġimgħa li għaddiet. “Dan huwa sinjal żgħir, imma xorta waħda sinjal,” qal Kluge.