Il-Covid-19 ma ġabitx nuqqas ta’ droga; waqt il-lockdown inbiegħet kollha – Ministru Falzon

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-pandemija tal-Covid-19 ma ġabitx nuqqas fil-konsenji tad-droga. Spjega li dak li ġara kien li waqt il-lockdown inbiegħet kollha.

Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija supplementari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis dwar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, Falzon qal li vizzju tad-droga jġib miegħu problemi mentali. 

Ftit qabel il-waqfa għall-btajjel tas-sajf, Falzon kien qal li hemm madwar 900 persuna li ta’ kuljum tmur id-detox biex tieħu l-methadone. Huwa qal li t-trend illum saret li “u iva llum nieħu linja u l-għada mmur ix-xogħol.”

Il-Ministru kien qal li filwaqt li l-każi ta’ overdose f’Malta naqsu, ħlief għal każ riċenti, minħabba t-tnaqqis fl-użu tal-eroina, żdiedet il-kokaina.

Huwa tkellem kontra l-moda ta’ bħalissa li “it’s okay, li tieħu linja fil-weekend imbagħad tkompli tgħix ħajja normali matul il-ġimgħa.”

Stqarr li din it-trend qed toħloq problemi mentali fuq l-individwi. Għal dan il-għan is-sena d-dieħla se jinfetaħ ċentru speċjalizzat fil-kura ta’ minorenni li għandhom il-vizzju tad-droga.