Il-COVID-19 ilu fl-Italja minn Settembru tal-2019 – studju

Read in English.

Il-coronavirus ilu jiċċirkola fis-silenzju fl-Italja sa minn Settembru tal-2019, skont studju riċenti. Dan minkejja li l-ewwel pazjent li kien instab b’mod uffiċjali kien irrappurtat li nstab fil-21 ta’ Frar tal-2020. Ix-xhieda tinsab f’riċerka li saret mill-Istitut għall-Kanċer ta’ Milan mal-Università ta’ Siena, fejn ġew analizzati kampjuni tad-demm li ttieħdu bejn Settembru tal-2019 u Marzu 2020. Dan kien demm ta’ pazjenti li pparteċipaw fi screening għall-kanċer tal-pulmun, fejn instabu antikorpi għall-SarsCov2 fi 11.6% tal-pazjenti, li minnhom 14% ġew ittestjati f’Settembru. 

Dan l-istudju jingħaqad ma għadd ta’ oħrajn li nħarġu f’dawn l-aħħar xhur, fejn jidher li l-coronavirus inxtered fl-Italja u fid-dinja ħafna qabel id-dikjarazzjoni uffiċjali li nħarġet miċ-Ċina. 

“Bejn Marzu u April bdejna naħsbu, anke abbażi ta’ studji xjentifiċi oħra, jekk il-coronavirus fl-Italja bediex jiċċirkola ħafna qabel id-data uffiċjali. Għalhekk ġietna l-idea li nużaw kampjuni tad-demm li kienu ttieħdu għall-istudju Smile, li beda f’Settembru tal-2019 u li wara twaqqaf f’Marzu tal-2020 minħabba l-epidemija”, spjega Giovanni Apolone, direttur xjentifiku tal-Istitut għall-Kanċer. Fl-iscreening ipparteċipaw 959 persuna bejn il-55 u l-65 sena, kollha persuni li jpejpu ħafna, 60% minnhom kienu rġiel u 50% jgħixu fil-Lombardija.

Ir-riċerkaturi kienu sporpriżi meta ħareġ li 11.6% (111 minn 959) minn dawn il-persuni diġà kellhom antikorpi għall-coronavirus, u minn dawn 14% diġà kellhom traċċi f’Settembru, 30% minnhom fit-tieni ġimgħa ta’ Frar 2020, u l-parti l-kbira (53.2%) kienu fil-Lombardija. F’Settembru l-virus diġà kien preżenti fil-kampjuni ta’ pazjenti residenti f’5 reġjuni u, fl-analiżi kumplessiva tal-kampjuni bejn Settembru u Marzu, irriżulta tal-anqas każ ta’ pazjent pożittiv minn 13-il reġjun.

Kien hemm żewġ punti għolja li rriżultaw mill-antikorpi: l-ewwel bejn it-tmiem ta’ Settembru sa nofs Ottubru, u t-tieni punt fit-tieni ġimgħa ta’ Frar.

“L-analiżi mwettqa mill-grupp ta’ Emanuele Montomoli mill-Università ta’ Siena, li ħadmu magħna, identifikat il-preżenza ta’ antikorpi li jinnewtralizzaw il-virus in vivo, jiġifieri li għadhom kapaċi joqtlu l-virus, f’6 mill-111-il persuna, u 4 minn dawn kien f’Ottubru.” B’mod partikolari, skont id-data ppubblikata fl-istudju, l-ewwel kampjuni pożittivi rreġistrati f’Settembru jappartjenu għal persuni li jgħixu fil-Veneto (3), f’Emilia Romagna (1), fil-Liguria (1), fil-Lombardija (2) u f’Lazio (1).