Read in English.
Xhur wara li nstabet pożittiva għall-coronavirus u fieqet minnu, Anne għadha okkażjonalment tħoss is-sintomi tal-virus.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Anne Cachia ħeġġet lill-pubbliku biex jibqa’ viġilanti u jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.

Hi u titkellem dwar l-esperjenza tagħha, Anne qalet li ddaħħlet l-Isptar Mater Dei meta bdiet tħoss uġigħ kbir fi spallitha tax-xellug fit-8 ta’ April. Qalet li kienet konvinta li jew kellha xi nerv maqrus, jew inkella ġibdet xi muskolu.
Malli kienet fid-Dipartiment tal-Emerġenza, staqsewha jekk qatt żviluppat sintomi assoċjati mal-coronavirus, jew jekk kinitx f’kuntatt ma xi ħadd li jew ħareġ pożittiv jew kien ġej minn barra. Anne wieġbet fin-negattiv. Dak il-lejl hi ttieħdet f’sala.
L-għada, hi kienet infurmata li għaddiet minn attakk tal-qalb ħafif, madanakollu, meta kienet għamlet it-test għall-virus aktar tard, irriżulta li hi kienet pożittiva. Anne ġiet trasferita għall-kura intensiva, sala li setgħet iżżomm fiha sitt persuni. Hi kienet l-unika waħda hemm.
“Ħadu ħsiebi sew, u kelli fidi sħiħa fil-kardjoloġisti u l-infermiera li kienu qed jieħdu ħsiebi. Kont waħdi, għax l-infermiera kienu jiġu biss għal ħin qasir tliet darbiet kuljum biex ituni l-mediċina u jarawli l-pressjoni. Jien kont inħeġġiġhom biex iħaffu ħalli ma jdumux ħafna ħdejja b’riskju li jispiċċaw jimirdu huma wkoll,” spjegat hi.
Sitt ijiem wara hi ħarġet mill-isptar u kompliet it-triq tagħha għall-fejqan f’iżolament fid-dar tagħha.
“Fraħt li stajt nirritorna lura d-dar mar-raġel tiegħi, imma kelli nagħmel jumejn f’iżolament, ‘il bogħod minnu,” spjegat hi.
Spjegat li kien jitħallielha l-ikel barra l-bieb tal-kamra tas-sodda u kienet tuża platti u pożati disposable matul dan il-perjodu. Hi u tirċievi l-kura d-dar, kien hemm tabib li kien qed isegwi l-iżviluppi tagħha frekwentament permezz tat-telefown. Il-Pulizija kienu wkoll frekwentament imorru jaraw li kienu qed isegwu l-miżura tal-kwarantina madatorja.
Ġimgħatejn wara, kemm hi u kemm ir-raġel tagħha sarilhom it-test għall-virus. It-tnejn li huma rriżultaw fin-negattiv. Humabaqgħu ġimgħa oħra fi karantina, iżda tal-inqas issa setgħu joqgħodu flimkien.
Il-proċess ta’ rikoverar dam xahar sħiħ.
“M’għandi assolutament l-ebda idea ta’ kif stajt ħadt il-virus. Kont bqajt ġewwa fil-jiem ta’ qabel ma kien imħabbar b’mod uffiċjali l-lockdown. Ir-raġel mar jagħmel ix-xiri darba jew darbtejn. Issa jew il-virus kien fuqu u hu ma ħadux, jew kien fuq xi ħaġa li daħħalna fid-dar,” qalet Anne lil Newsbook.com.mt.
“Il-virus mar dirett għal qalbi”
Il-virus attakka l-qalb ta’ Anna u affettwa l-lining ta’ madwarha. Hi spegat li minkejja li issa qed tħossha ħafna aħjar, ġieli għadha tħoss uġigħ f’qalbha li ddeskriviet bħala tal-biża’.
Minn hemm, kienet affettwata r-rutina tagħha u żiedet tgħid li mhux qed toħroġ. Qalet li kemm jista’ jkun qed tibqa’ ġewwa. Il-ħarġa tal-koppja hija li jmorru jisimgħu l-Quddiesa filgħodu u mbagħad imorru jgħidu r-rużarju filgħaxija.
“Sfida biex nibqa’ pożittiva”
“Inħossa sfida biex nibqa’ pożittiva u verament imbeżża’ li nispiċċa nimrad bil-virus,” qalet Anne. Hi nnutat li mill-ftit nies li taf li mardu bil-virus, “kollha” baqgħu jsofru minn xi effetti.
Hi ħeġġet lill-pubbliku biex ma jieħux riskji. S’issa, hi ma tafx kif mardet bil-virus, minkejja li dak iż-żmien kienet konvinta li mhux se timrad. “Wieħed qatt ma jista’ jkun attent biżżejjed,” sostniet hi.
Hi tkellmet ukoll dwar l-effett tal-virus fuq is-saħħa mentali u żiedet tgħid li qed issibha bi tqila li tibqa’ pożittiva minħabba l-biża’ li terġa’ timrad.
Raġġ ta’ tama?
It-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żvela l-programm ta’ kif se jkun qed isir it-tilqim f’Malta. Hu spjega kif il-Gvern qed jippjana li jlaqqam kemm jista’ jkun persuni kontra l-coronavirus fix-xhur li ġejjin u ddikjara li t-tmiem tal-pandemija jinsab viċin.
Fil-Parlament, Fearne ikkonferma li Malta mistennija tirċievi 1.6 miljun doża tal-vaċċini ta’ Pfizer u BioNTech, Moderna u AstraZeneca.
It-tliet kandidati qed jistennew konferma mill-Awtorità tal-Mediċini Ewropea. Jekk ikunu approvati, l-ewwel grupp ta’ vaċċini ta’ Pfizer u BioNTech se jaslu Malta fil-bidu ta’ Jannar, filwaqt li dawk ta’ Moderna jaslu fil-bidu ta’ Frar.
Illum, mara ta’ 90 sena, saret l-ewwel persuna li rċeviet il-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech fir-Renju Unit, barra mill-fażi ta’ ttestjar. Din kienet il-bifu tal-programm ta’ vaċċinazzjoni fil-pajjiż.