“Il-‘cover-up’ tal-coronavirus huwa ċ-‘Chernobyl’ taċ-Ċina” – konsulent tal-White House

REUTERS/File Photo

Uffiċjal għoli fil-White House nhar il-Ħadd li għadda qabbel il-mod kif iċ-Ċina trattat il-coronavirus mal-cover-upta’ l-Unjoni Sovjetika meta fl-1989 kien sploda l-impjant nukleari ġewwa Chernobyl.

Il-konsulent għas-sigurtà nazzjonali Robert O’Brien saħaq li Beijing kienet taf x’kien qed jiġri bil-virus li oriġina f’Wuhan f’Novembru iżda gidbet lill-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u żammet lill-esperti minn barra milli jiksbu aċċess għall-informazzjoni.

“Ħallew virus jinfirex mad-dinja kollha, virus li diġa sewa’ triljuni ta’ dollari lill-ekonomija Amerikana u li qed ikollna nonfqu sabiex inżommu l-ekonomija ħajja u nkomplu nieħdu ħsieb lill-Amerikani kemm idum dan il-virus,” qal O’Brien f’kummenti waqt il-programm fuq l-NBC “Meet the Press.”

“Il-cover-up tal-virus li wettqu se jitniżżel fl-istorja flimkien ma’ dak li kien sar fil-każ ta’ Chernobyl. Fi żmien għaxar snin jew ħmistax-il sena, għad naraw ukoll HBO special dwar dan kollu,” żied jgħid b’referenza għall-miniserje televiżiva.

Id-diżastru ta’ l-impjant nukleari ta’ Chernobyl f’dik li kienet ir-Repubblika Sovjetika ta’ l-Ukraina kienet firxet materjal nukleari li kien spiċċa qatel għexieren ta’ nies fi ftit ġimgħat u wasslet biex eluf kbar ta’ nies jaħarbu miż-żona. Dak iż-żmien, Moska kienet damet biex ħabbret il-gravità ta’ dak li kellu jitqies bħala l-akbar aċċidenti nukleari fl-istorja.

Il-President Amerikan Donald Trump spiss igerger dwar il-mod kif iċ-Ċina trattat din il-pandemija. 

Iċ-Ċina, minn naħa tagħha, ċaħdet l-akkużi fil-konfront tagħha u l-ogħla diplomatiku tagħha, il-Ħadd stess akkuża lill-Istati Uniti li qed tferrex il-gideb u li qed tattakka ‘l pajjiż.

“Din hija problema reali li swiet eluf ta’ mwiet fl-Amerika u madwar id-dinja kollha minħabba l-fatt li l-informazzjoni ma tħallietx toħroġ kollha,” kompla jgħid O’Brien fuq il-programm “Face the Nation” ta’ CBS. “Dan kien cover-up. U sa fl-aħħar għad insiru nafu kollox dwar dan.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn