Il-Costa Concordia mistenni f’Genova llum

Aktar tard illum, il-Costa Concordia mistenni jasal fil-port ta’ Genova biex jiġi skrapjat f’operazzjoni ta’ salvataġġ li damet għaddejja sentejn.
Din kienet waħda mill-akbar operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-settur marittimu.
Il-Costa Concordia ħabat mal-gżira ta’ Giglio f’Jannar ta’ sentejn ilu, bil-konsegwenza li tilfu ħajjithom 32 persuna.
Il-kaptan Francesco Schettino ċaħad akkużi li ħalla l-bastiment waħdu, b'dan jista’ jeħel sa 20 sena ħabs.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi mistenni jkun f’Genova llum wara nofsinhar biex isegwi t-tmiem tal-operazzjoni ta’ salvataġġ li mistennija tieħu xi ftit tas-sigħat oħra.